Il-Partit Laburista jirrifjuta li jippubblika l-ittra ta’ riżenja ta’ Chris Cardona

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Partit Laburista qed jirrifjuta li jippubblika l-ittra ta’ riżenja ta’ Chris Cardona minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, peress li din qed titqies affari interna tal-partit.

Kelliem għall-Partit Laburista qal lil Newsbook.com.mt li din kwistjoni interna meta ntalab jgħaddi l-ittra ta’ riżenja tal-eks Ministru lil din il-kamra tal-aħbarijiet.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ilbieraħ li Chris Cardona ntalab jirreżenja minn Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit ilbieraħ stess. Wara li ma ġiet ippubblikata l-ebda ittra ta’ riżenja jew stqarrija, il-ġurnalisti dalgħodu staqsew lill-Prim Ministru, hu u dieħel Kastilja, kif l-ittra ta’ riżenja għadha ma ddaħħlitx. Huwa qal li kien infurmat li Cardona daħħal l-ittra ta’ riżenja tiegħu.

L-eks Ministru għall-Ekonomija ntalab jirreżenja mill-Prim Ministru stess wara li ismu baqa’ jissemma fil-proċeduri fil-qorti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Cardona kien u għadu jgħid li qed isir frame-up fuqu.

Fuq Facebook illum, huwa xerred stampa ta’ rapport mill-qorti fuq ix-xhieda ta’ Melvin Theuma llum waqt l-inkjesta pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista. Theuma, li huwa s-sensar tal-assassinju u li ngħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid kulma jaf, ġie mistoqsi jekk qatt rax lil Cardona fit-tinda tal-patata tal-aħwa Degiorgio fil-Marsa. Alfred u George Degiorgio huma akkużati li wettqu l-qtil tal-ġurnalista.

Theuma stqarr li lil Cardona qatt ma rah hemmhekk. Żied jgħid li Johann Cremona, is-sieħeb ta’ Yorgen Fenech fin-negozju, darba qallu biex jgħid li hu [Theuma] irċieva l-flus mingħand Cardona. Yorgen Fenech huwa akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista. Theuma ssokta jgħid li hu żamm ma’ din il-verżjoni, li Cardona tah il-flus, peress li Cardona kien qed jissemma fl-aħbarijiet minħabba l-allegazzjonijiet li huwa żar il-burdell Acapulco fil-Ġermanja meta kien imsiefer fuq xogħol ministerjali.

Cardona xerred l-istess ritratt fuq Instagram, flimkien mal-kanzunetta “Tell Me Lies” tal-grupp The Black Keys.

Newsbook.com.mt ipprova jagħmel kuntatt ma’ Cardona għal kumment.

Waqt il-proċeduri kriminali fil-qorti kontra Fenech, xhud qal li Theuma qallu li tqabbad joqtol lil Caruana Galizia mill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u minn Fenech. Johann Cremona xehed li Theuma dejjem kien jgħidlu l-istess storja bl-istess dettalji, li fiha jsemmi lil Fenech, Schembri, Cardona u David Gatt.

Fis-seduta tat-Tnejn li għadda, Cremona qal li rċieva ritratt ta’ ċertu raġel magħruf bħala l-Bigli fuq Signal. Spjega li ma kienx jaf min hu imma Fenech qallu li l-Bigli kien is-sensar bejn Chris Cardona u Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-Fulu. B’hekk ġie allegat li Cardona ħallas għall-qtil tal-ġurnalista, u uża lill-canvasser tiegħu l-Bigli bħala s-sensar ma’ Degiorgio.

Cardona tenna darba war’oħra li xejn minn dan li qed jingħad fil-qorti ma hu minnu.

Qabel ma Fenech tressaq il-qorti, Cardona kien ġie interrogat mill-pulizija f’Novembru tal-2019. Dak iż-żmien kien għadu jokkupra l-kariga ta’ Ministru għall-Ekonomija. Meta Robert Abela laħaq Prim Ministru f’Jannar li għadda, Cardona tilef postu fil-Kabinett wara li kien ilu Ministru minn meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern fl-2013.