Il-PL jħabbar proposti dwar l-istipendji u edukazzjoni post-sekondarja

Waqt konferenza stampa li saret fl-Università ta’ Malta, il-mexxej Laburista Dr Joseph Muscat ħabbar li l-Partit Laburista se jkun qed isaħħaħ l-istipendji billi jagħti kumpens tal-għoli tal-ħajja pro-rata.

Dan filwaqt li se jkun qiegħed jagħti stipendju wkoll lil dawk kollha li jieqfu ix-xogħol jew li jispiċċaw bla xogħol, sabiex dawn jerġgħu jibdew jistudjaw.

Dr Muscat tkellem fuq it-twessiegħ tal-iskemi ta’boroż ta’ studju, sabiex ikun hemm aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ li jridu jkomplu jistudjaw fuq livell ta’ Masters u Dottorat.

Propona wkoll li iżid it-Tax Credit fuq livell ta’ PhD għal €25,000 filwaqt li jkun hemm deduzzjoni mit-taxxa fuq studji terzjarji b’€10,000 għal €20,000, kompla jgħid il-Mexxej tal-Partit Laburista.

Huwa temm jgħid li studenti minn familji bi dħul baxx għandhom jingħataw aktar għajnuna, filwaqt li dawk l-istudenti li jkunu jixtiequ jerġgħu jirrepetu sena bil-għan li jidħlu l-Università se jingħataw stipendju wkoll.