“Il-Partit Laburista għandu problemi interni” – Dr Lawrence Gonzi

L-elettorat għandu jivvota lill-Partit Nazzjonalista mhux biss għall-programm elettorali, iżda wkoll minħabba l-problemi interni li jeżistu fil-Partit Laburista. Dan sostnieh il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi waqt li kien qed jitkellem f’ attività politika f’ Ħal Għaxaq.

Dr Gonzi sostna li mhux talli l-Mexxej Laburista Joseph Muscat naqas milli jwieġeb għall-kummenti ta’ Dr Anglu Farrugia fl-intervista tal-eks deputat mexxej tal-Partit Laburista Anglu Farrugia mal-ġurnal ‘The Sunday Times’, iżda talli issa se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq ir-raba’ distrett, jiġifieri d-distrett li fuqu kien jikkontesta l-eks deputat mexxej.

Il-Prim Ministru sostna li dawn l-akkużi li saru huma serji u l-elettorat għandu jikkunsidra qabel jiddeċiedi dwar il-vot tiegħu. Dr Gonzi żied jgħid li Dr Joseph Muscat għandu jgħid minn fejn qed jiġu l-flus għall-billboards u r-riklami kollha li qed isiru matul il-kampanja elettorali.