Il-Partit Komunista Ċiniż jipprojbixxi ġiti lejn il-Vatikan

Il-Partit Komunista Ċiniż ordna lill-aġenti tal-ivjaġġar biex ma jorganizzax ġiti lejn il-Vatikan  u l-Bażilika ta’ San Pietru bl-iskuża li “ma hemmx relazzjonijiet diplomatiċi bejn iċ-Ċina u l-Vatikan.
Diversi aġenziji tal-ivjaġġar miċ-Ċina kkonfermaw li fis-16 ta’ dan ix-xahar irċivew direttivi fejn kienu ordnati jħassru ż-żjajjar li kellhom ippjanati għall-Vatikan. Għalkemm dan il-veto hu effettiv, ħafna jaħsbu li mhux kulħadd se josservah.
Aġenziji tal-Ivjaġġar li jirreklamaw id-destinazzjoni tal-Vatikan fil-materjal ta’pubbliċita’ tagħha tista’ teħel multa sa €39,000.
Fl-aħħar snin, it-turiżmu Ċiniż lejn l-Italja kiber b’mod qawwi ħafna u ħafna minn dawn it-turisti jmorru l-Italja biex iżuru l-Vatikan, il-mużewijiet tiegħu u l-Bażilika San Pietru. Fost dawn it-turisti jkun hemm ħafna żgħażagħ kurjużi u Kattoliċi moħbija li jieħdu l-opportunita’ li jżuru ċ-ċentru tal-Kristjaneżmu.
Id-djalogu bejn iċ-Ċina u s-Santa Sede, li reġa’ nfetaħ, żied l-influss tal-pellefrini Ċiniżi lejn il-Vatikan u l-Papa Franġisku nnifsu, fl-udjenzi tiegħu spiss jidher jieqaf biex jieħu ritratti ma turisti Ċiniżi.
Il-preżenza ta’ Ċiniżi f’Ruma tant hi kbira li gruppi ta’ nsara u protestanti Taljani qed iqassmulhom ‘leaflets’ li jispjegaw l-istorja tal-Knisja, tal-Bażilika ta’ San Pietru, u tal-fidi nisranija, b’indirizzi  u ħinijiet ta’ fejn ikun hemm funzjonijiet reliġjużi.
Aktarx li l-projbizzjoni tal-ġiti lejn il-Vatikan hi tentattiv biex iwaqqaf l-evanġeliżazzjoni ta’ dawn it-turisti li meta jsibu ruħhom barra l-pajjiż iħossuhom aktar liberi biex jirriflettu u jiddjalogaw dwar ir-reliġjon.