“Il-Partit ikbar minn kull individwu; keċċu lil Schembri” – Micallef

L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista u s-CEO ta’ ONE Productions Jason Micallef qal li l-Partit Laburista hu ikbar minn kull individwu, u għalhekk, għandu jkeċċi lil Keith Schembri minn membru tiegħu.

Micallef esprima din il-fehma fuq Facebook, wara li lbieraħ isem l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru ddomina l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Mix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud ilbieraħ ħarġet l-aħbar illi Keith Schembri qed jiġi investigat għal omiċidju u talli żvela informazzjoni sigrieta fuq il-każ, fost l-oħrajn.

Skont Jason Micallef, il-Partit Laburista għandu jagħmel dikjarazzjoni pubblika wara li jkeċċi lil Schembri minnufih. Fi kliemu, “il-Partit Laburista hu bil-wisq glorjuż biex jibqa’ ‘ċass’ quddiem deċiżjoni li kien imissu ilha li ttieħdet.”

Jidher illi Micallef mhuwiex l-uniku wieħed imħasseb fuq din il-kwistjoni, peress li wara li ntqal fil-qorti li Schembri allega li tilef il-mowbajl u b’hekk ma setax jgħaddih lill-Pulizija, is-CEO tal-Partit Laburista Randolph De Battista għadda botta online dwar dan.