Il-Partit Demokratiku sodisfatt bit-twaqqif tal-aġenzija Ambjent Malta

Il-Partit Demokratiku laqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif tal-aġenzija l-ġdida Ambjent Malta.
Fi stqarrija l-partit qal li jittama li permezz ta’ aġenzija waħda li tikkoordina l-inizjattivi kollha relatati mal-ambjent, ikun hawn iżjed protezzjoni u mmaniġjar aħjar tal-Wirt Naturali.
Il-Partit Demokratiku talab li l-aġenzija jkollha fiha rappreżentanza wiesa’ tas-Soċjetà Ċivili.
Intant il-Partit Demokratiku feraħ lill-Gvern għall-inizjattivi li se jieħu biex isebbaħ iż-żona tal-Magħluq f’Wied il-Għajn u tal-Ballut f’Marsaxlokk.
Waqt li wera t-tħassib tiegħu għal numru ta’ permessi ta’ żvilupp li ngħataw mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-aħħar xhur, il-partit wera t-tama li l-aġenzija Ambjent Malta ma sservix biss bħala paraventu għal iktar sfreġju tal-ambjent.