Il-Partit Demokratiku għamel apoloġija

L-Eżekutiv tal-Partit Demokratiku għamel apoloġija għall-’post’ li ttelgħet fuq Facebook ilbieraħ li fiha kien hemm kumment dispreġattiv kontra s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.
F’post fuq Facebook li tniżżlet wara 15-il minuta, il-Partit Demokratiku rrefera għal Farrugia Portelli bħala “village escort”.
Il-kumment “village escort” ħareġ mingħajr awtorizzazzjoni – Godfrey Farrugia
Qalu li din ma kellha l-ebda awtorizzazzjoni mill-partit iżda saħaq li dan it-tip ta’ kliem ma missux ittella’ fl-ewwel lok. Il-PD qal li identifika l-persuna li tellgħet dan il-post u ħareġ ċanfira fil-konfront tagħha. Il-persuna talbet skuża għall-aġir tagħha.
Il-Partit Demokratiku qal li “kliem bħal dan imur kontra l-policy u l-filosofija tal-Partit Demokratiku”.
F’messaġġ fuq Facebook Farrugia Portelli saħqet li l-messaġġ tal-PD weġġa’ lil ħafna nies filwaqt li spjegat li dan il-messaġġ ħassewh ukoll it-tfal li ġejjin minn xi villaġġ.
Qalet li ma taqbilx “mal-elitiżmu u l-klassiżmu li qisu xi diżunur li ġejjin minn villaġġ”. 
Intant, tħabbar ukoll it-twaqqif ta’ kumitat ad hoc fi ħdan il-PD biex jeżamina l-każ f’aktar dettall u jagħmel rakkomandazzjonijiet ghall-futur li se jkun immexxi mis-Segretarju Ġenerali. Il-PD qal li se jkompli jaħdem ghall-ugwaljanza u t-tisħiħ tad-dinjità tal-persuna.
Attitudni kundanabbli – il-PL
Il-Partit Laburista qal li t-tgħajjir ta’ deputati tal-oppożizzjoni fil-konfront ta’ Farrugia Portelli huwa kundanabbli u tal-mistħija għal min għamlu.
Żied jgħid li ma kienx biżejjed għad-deputat Godfrey Farrugia li jgħajjar pulċinella lil Farrugia Portelli fil-kamra tar-rappreżentanti meta kienet qed titkellem dwar l-emendi fil-liġi dwar il-potezzjoni tal-embrijuni.
Fl-istqarrija, ffirmata min-Nisa Laburisti, il-Partit Laburista qal li din hi politika sessista u elitista li m’għadx hawn postha f’soċjetà moderna li trid tinkludi iktar nisa fil-politika u mhux tnaffarhom b’aġir bħal dan.
"M'hawnx post għal kliem sessist" – PN
Il-Partit Nazzjonalista qal li kif għamel dejjem fil-passat, qed jerġa’ jikkundanna kull kliem dispreġġjattiv u sessista.
Il-PN qal dan fi stqarrija b’referenza għal dak li sejjaħ bħala l-kliem “sessist” tal-Partit Demokratiku fuq il-mezzi soċjali, li sar fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli. 
Il-PN sostna li jħoss li fid-diskussjoni politika m'hawnx post għal kliem ta’ dan it-tip.
Il-MPE Roberta Metsola taqbel ma' Farrugia Portelli
Fi tweet, il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola qablet mas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli meta qalet li kumment bħal dan kien sessist.
Hija kkundannat dan l-aġir u qalet li hu tal-mistħija.