Il-Partit Demokratiku jiddubita l-mottiv tal-Prim Ministru għar-riforma kostituzzjonali

Il-Partit Demokratiku qed jiddubita l-mottiv u ż-żmien wara l-enfasi tal-Prim Ministru Joseph Muscat għar-riforma kostituzzjonali.
Fi stqarrija l-PD qal li għalkemm riforma kostituzzjonali minn dejjem kienet waħda mill-pilastri tal-Partit, qed jiddubita kemm filfatt l-uffiċċju tal-Prim Ministru, li skontu hu mifni bi skandli ta’ koruzzjoni, se jipprova jimplimenta l-kontroll u bilanċ adekwat biex jiggarantixxi governanza demokratika tajba fil-futur.
Skont il-PD hemm diversi kwistjonijiet li għad iridu jiġu indirizzati u li riforma Kostituzzjonali mhix se tassigura stat ta’ dritt u governanza tajba.
Il-PD sostna li biex il-Kostituzzjoni titjieb din trid tirrifletti l-prinċjpji u valuri ta’ soċjetà ċivili pluralista.
Biex dan iseħħ, l-istituzzjonijiet li ilhom vittmi ta’negozjar u influwenza politika, inkluż is-Servizz Ċivili, iridu jingħataw garanzija ta’ indipendenza u awtonomija minn kwalunkwe indħil politiku.
L-appuntar u t-tkeċċija tal-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, l-Awditur Ġenerali, il-Ġudikatura, l-Armata, is-Servizzi Sigrieti Maltin u l-FIAU jridu jkunu fost l-iktar irwoli indipendenti bil-għan li jkunu mimlija minn nies kompetenti u li ma jagħlqux għajnejhom għall-korezzjoni, sostna l-PD.
Il-PD sostna li jeħtieġ li tingħata attenzjoni immedjata lill-indipendenza tal-Awtorità tax-Xandir u l-Libertà tal-Informazzjoni, filwaqt li l-Avukat Ġenerali ma jistax jibqa’ jħaddan iż-żewġ irwoli ta’ prosekutur u kunsill għall-Gvern.
Dwar dan tal-aħħar il-PD jemmen li għal dawn iż-żewġ irwoli għandhom ikunu stabbiliti żewġ uffiċċji separati.
Skont il-PD ambjent nadif għandu jkun dritt bażiku għal kull ċittadin u li wasal iż-żmien biex il-gvernijiet jinżammu responsabbli biex jassiguraw it-titjib tal-ambjent fil-preżent għall-ġenerazzjonijiet futuri. 
Dwar il-possibilità li l-istatus tal-President isir wieħed eżekuttiv, il-PD sostna li l-President mhux rappreżentant elett, imma wieħed imlaħħaq. Għaldaqstant skont il-PD l-irwol tal-President m’għandux jibqa’ wieħed dekorattiv kif inhu fil-preżent, imma għandu jsir wieħed aktar proattiv.
L-istqarrija tkompli dwar kif il-Gvera qed jagħmel kull sforz biex il-Kostituzzjoni tkun reveduta minn wara l-kwinti, u li dan jindika li l-Prim Ministru diġa għandu idea ċara ta’ xi jrid li jkun ir-riżultat ta’ dan il-proċess.
Il-Partit Demokratiku temm l-istqarrija billi staqsa ejn liem mudell Kostituzzjonali qed jaspira l-Prim Ministru u jekk hemmx Kumitat Parlamentari involut?