Il-parti antika tal-belt ta’ Vilnius fil-Litwanja terġa’ lura għan-‘normal’

Vilnius, Lithuania REUTERS / Andrius Sytas

L-ispazji pubbliċi f’Vilnius, il-belt kapitali tal-Litwanja, ġew allokati biex jintużaw minn ħwienet tal-kafé u ristoranti sabiex dawn ikunu jistgħu jibqgħu joperaw matul dan il-perjodu ta’ kriżi. B’hekk dawn il-ħwienet se jkunu jistgħu jibqgħu jservu lill-klijenti tagħhom filwaqt li josservaw il-linji gwida stabbiliti għad-distanza soċjali.

Il-pajjiż Baltiku rrapporta madwar 1000 każ ta’ persuni li ntlaqtu mill-marda tal-CoVid-19, u 44 persuna biss tilfu ħajjithom minħabba dan il-virus. Issa l-pajjiż beda l-proċess ta’ ħruġ fi stadji mill-perjodu ta’ lockdown, f’rispett sħiħ tal-miżuri ta’ distanza soċjali.

Hekk kif ir-ristoranti u l-barijiet reġgħu bdew jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku, il-proprjetarji ta’ stabbilimenti fil-belt antika ta’ Senamiestis f’Vilnius qed jitħallew joħorġu l-imwejjed tagħhom fit-toroq dojoq u fil-pjazez tal-villaġġ sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jħossuhom komdi mingħajr ma jkunu wisq viċin ta’ xulxin.

“Pjazez, toroq u spazji pubbliċi… il-ħwienet fil-viċin qed jitħallew joħorġu l-imwejjed tagħhom mingħajr ħlas matul dan l-istaġun, biex b’hekk ikunu jistgħu joffru s-servizz tagħhom u jikkummerċjaw matul il-perjodu tal-kwarantina,” qalRemigijus Šimašius, is-sindku ta’ din il-belt antika, li hija wkoll Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.

Aktar minn 150 stabbiliment applikaw biex jipparteċipaw fil-programm, li permezz tiegħu ġew allokati 18-il żona pubblika spazjuża fejn il-persuni jistgħu jpoġġu bilqiegħda biex jieklu jew jieħdu kafè matul ix-xhur tas-sajf, sakemm il-pajjiż ikompli jnaqqas ir-restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija.

“Din l-azzjoni ġiet fil-waqt meta għandna bżonnha l-aktar,” qalet Evalda Šiškauskienė mill-Assoċjazzjoni Litwena għal-Lukandi u r-Ristoranti, filwaqt li żiedet tgħid li dan se jgħin biex “jinqdew aktar viżitaturi, u biex il-belt terġa’ tibda ġejja lura għan-normal mingħajr ksur tar-rekwiżiti ta’ sikurezza pubblika.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn