Il-part-time għandu jiġi ntaxxat sa 10% – Delia

PN

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li kull sahra jew xogħol part-time għandu jiġi ntaxxat sa massimu ta’ 10%.

Delia qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-PN. Tkellem dwar il-100 proposta għall-baġit li għamel il-PN. Qal li l-Partit Nazzjonalista, fil-qafas tad-diskussjoni tal-baġit qiegħed janalizza s-sitwazzjoni, jara x’inhuma l-isfidi u jipproponi soluzzjonijiet.

Il-PN jippreżenta d-dokument ta’ qabel il-baġit tal-2020

“Dan meta l-Gvern qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni liema mudell ekonomiku qed iħalli impatt negattiv fuq bosta setturi.”

Skont Delia, l-akbar nuqqas li għandha Malta huwa li it-tkabbir ġej minn żvilupp bla pjan u bla rażan.

“Għandna Gvern b’politika li ffukata fuq l-immedjat mingħajr ma tqis il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada.”

Kompla jgħid li l-Gvern ġelled l-ekonomija mal-ambjent u ħoloq pajjiż b’rata allarmanti ta’ tniġġis u konġestjoni.

Il-PN għandu problema bin-nefqa – PL

F’reazzjoni għal dak li qal Delia, il-Partit Laburista qal li l-kritika għan-nefqa rikorrenti tal-Gvern milll-PN mhi xejn għajr attakk fuq l-inizjattivi tal-Gvern biex jiżdiedu s-servizzi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

“La l-Partit Nazzjonalista għandu problema b’din in-nefqa, tant li jbeżża’ li mhix sostenibbli, għandu problema biż-żidiet li ngħataw il-ħaddiema tas-servizz pubbliku, l-għalliema, l-infermieri u l-pulizija,” qal il-PL.

Fi stqarrija oħra, il-PL qal li Delia filli jikkundanna lil kulħadd mingħajr riservi u filli jgħid li importanti wieħed jiftakar li hemm il-preżunzjoni tal-innoċenza. Filli jgħid li hu minn dejjem kien kontra l-IIP, u għalhekk għandu jieqaf u filli jgħid għandu jkun sospiż sakemm ikun hemm is-serħan tal-moħħ. Iġifieri li jkompli wara.

Il-PL qal li l-gvern jemmen fil-programm li ġab dħul importanti għal Malta biex taħseb fil-futur.