Il-Parruċċani f’Dublin jisimgħu l-quddies onlajn għax il-knejjes magħluqa

L-Arċidjoċesi ta’ Dublin, fl-Irlanda, qalet li ħadd fid-djoċesi mhu obbligat li jattendi l-quddies tal-Ħadd minħabba s-silġ li nieżel fil-pajjiż, imma ħeġġet lill-Insara biex jisimgħu l-quddies onlajn permezz ta’ mezzi elettroniċi.
Din id-dikjarazzjoni saret  peress li s-silġ u l-borra li hemm bħalissa qed jirrendu t-toroq perikolużi ħafna. Barra minn dan kien hemm ukoll għargħar f’xi nħawi. Minħabba dan, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ħafna knejjes fil-kapitali Irlandiża baqgħu magħluqa.
Fi stqarrija mill-Kurja ntqal li meta n-nies ma jistgħux jattendu l-quddies hu rrakkomandat li dawn isegwu l-quddiesa fuq it-televiżjoni jew ir-radju u mezzi elettroniċi oħra u jgħaddu ftit ħin fit-talb jew individwalment inkella bħala familja.
Seán Hogan, ċermen tal-grupp nazzjonali li jikkordina l-ħidma ta’ emerġenza, qal li okkażjonijiet bħal dawn joffru opportunità tajba biex wieħed jikkapitalizza fuq it-tekonoloġija moderna li tgħin biex jinbnew pontijiet diġitali ġodda.
Diversi parroċċi jpoġġu s-servizzi reliġjużi tagħhom fuq il-pjattaforma diġitali li faċilment jistgħu jkunu aċċessati mid-dar stess.
Minħabba l-maltemp qawwi, l-Armata Irlandiża poġġiet 1,200 persuna u 350 vettura għal-lest biex jgħinu lill-awtoritajiet ċivili f’każ taż bżonn. 
Sal-bidu ta’ din il-ġimgħa aktar minn 20,000 dar u negozji kienu għadhom mingħajr provvista tal-elettriku, li ġiet sospiża minħabba l-maltemp, filwaqt li 10,000 dar oħra kienu mingħajr provvista tal-ilma, skont kif irrappurtaw il-BBC u “The Irish Sun”.