Il-parroċċi tal-Vatikan jilqgħu familji refuġjati

Wara l-istedina tal-Papa biex parroċċi jilqgħu familji refuġjati fi ħdanhom, iż-żewġ parroċċi fi ħdan il-Vatikan qed jagħtu l-eżempju.
Fil-parroċċa ta’ Sant’Anna qed tgħix familja Sirjana magħmula minn koppja u żewġt itfal waqt li f’appartament tal-parroċċa ta’ San Pietru qed tgħix omm Eritreana ta’ ħamest itfal.
S’issa magħha qed jgħixu tlieta mill-ħames uliedha, inkluż tarbija ta’ ftit xhur, u għaddejja ħidma mill-Komunità ta’ Sant’Eġidju biex iż-żewġ ulied l-oħra tal-omm jingħaqdu magħha minn kamp tar-refuġjati fl-Etjopja.
Fl-appartament qed jgħixu wkoll omm oħra żagħżugħa ma’ binha żgħir.
Intant illejla, nies bla dar, refuġjati, ħabsin u nies li jgħixu fil-faqar ingħataw l-opportunità li jattendu għal ċirku li offra 2,000 biljett għal dawk fil-bżonn. Is-serata tibda b’kanzunetta ddedikata lill-Papa Franġisku, minn kantant Spanjol, ukoll bla dar. Din il-kanzunetta se tkun it-talba li tiftaħ is-serata.
Dawk li jattendu se jkunu jistgħu jużaw is-servizzi ta’ tobba u infermiera tas-servizz tas-saħħa tal-Vatikan li se jkunu stazzjonati ħdejn iċ-ċirku biex joffru s-servizz tagħhom lill-fqar.