Il-Parroċċa tas-Siġġiewi tikkunsidra pellegrinaġġ f’Diċembru

Il-Parroċċa tas-Siġġiewi ħabbret li l-festa ta’ San Nikola ta’ Bari, normalment iċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ġunju, din is-sena mhix se ssir minħabba l-imxija tal-coronavirus, madankollu qed tikkunsidra li tagħmel pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ San Nikola f’Diċembru.

Fuq Facebook, il-Parroċċa ħabbret li waqt laqgħa msejħa mill-Arċipriet tas-Siġġiewi Dun Josef Mifsud bejn il-Banda San Nikola, is-Siġġiewi Festival Brass Band, l-Għaqda tan-Nar San Nikola u l-Grupp tal-Armar 6 ta’ Diċembru li fiha ġew diskussi d-direttivi marbuta maċ-ċelebrazzjonjiet tal-festi titulari u sekondarji fis-sena 2020 maħruġa mill-Kurja tal-Arċisqof f’Marzu u f’Mejju 2020, kien hemm qbil unanimu li kulħadd se jimxi ma’ dawn id-direttivi.

Għalhekk, mhumiex se jsiru ċelebrazzjonijiet interni u esterni f’Ġunju.

Madankollu, il-Parroċċa qalet li jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jippermettu sa dak iż-żmien, fid-data tal-festa propja, fis-6 ta’ Diċembru, il-festa tiġi ċċelebrata u forsi anke jsir pellegrinaġġ ta’ ringrazzjament bl-istatwa ta’ San Nikola.

Illum bdew jiġu llaxkati l-miżuri preventivi kontra l-coronavirus, fosthom li se jibdew isiru il-quddies tal-funerali fil-beraħ jew ġo knejjes kbar biżżejjed. Il-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi hija waħda mill-knejjes fejn tista’ ssir quddies tal-funeral.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn