Il-Parroċċa tar-Rabat issir Bażilika Minuri

Il-Parroċċa u Kolleġjata ta’ San Pawl tar-Rabat ġiet mogħtija t-titlu ta’ Bażilika Minuri, it-tnax-il knisja fil-gżejjer Maltin li rċeviet dan l-unur.

It-titlu ta’ Bażilika Minuri jiġi mogħti mill-Papa lil knejjes li huma meqjusin ta’ importanza partikolari. Id-digriet ta’ Papa Franġisku sar fuq talba tal-Arċisqof ta’ Malta Charles Jude Scicluna, u nqara mill-Arċisqof innifsu f’ċerimonja li saret fl-20 ta’ Settembru.

F’quddiesa solenni li saret il-jum ta’ wara, b’tifkira tal-konsagrazzjoni tal-knisja, il-fergħat ewlenin tal-komunità Ġużeppina tar-Rabat ippreżentaw rigali ta’ tifkira lir-Rev. Arċipriet Louis Suban. Il-Komunità Ġuzeppina awgurat lill-Arċipriet u lill-Kapitlu tal-Kolleġjata għal din l-okkażjoni sabiħa.

Il-parroċċa tar-Rabat hi t-tieni knisja Maltija li ġiet mogħtija t-titlu ta’ Bażilika Minuri din is-sena: il-Parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid saret Bażilika Minuri f’Lulju. B’kollox hawn 12-il Bażilika Minuri f’Malta, inklużi 5 f’Għawdex.

It-titlu ta’ Bażilika Maġġuri ġie mogħti biss lill-erba’ knejjes papali f’Ruma, il-Bażilika ta’ San Pietru, il-Katiddral ta’ San Ġwann Lateran, il-Bażilika ta’ San Pawl Barra s-Swar u l-Bażilika ta’ Santa Marija Maġġuri.