Il-Parroċċa tal-Imsida tfakkar il-150 anniversarju mit-twaqqif tagħha

Din is-sena l-parroċċa San Ġużepp tal-Imsida qed tiċċelebra s-seskwiċentinarju mit-twaqqif tagħha.
Il-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet intlaħaq ilbieraħ f’jum il-festa titulari ta’ San Ġużepp b’quddiesa solenni fil-Knisja Parrokkjali tal-Imsida mmexxija mill-Isqof Emeritu Mons Pawlu Cremona megħjun mill-Kappillan Dun Norman Zammit, Dun Alfred Camilleri, Dun Brendan Gatt  u Dun Philip Gambin flimkien ma’ Dun Vinċenz Cachia, il-Prepostu ta’ B’Kara u saċerdot residenti fil-Parroċċa; Patri Vittorio Filletti, missjunarju Misidjan u Dun Simon Sciberras, ex viċi kappillan.
Il-Paniġierku kien minsuġ minn Patri Victor Paul Farrugia.
Ħa sehem ukoll il-kor Parrokkjali Regina Coeli ta’ Ħad-Dingli u l-orkestra mmexxija mis-Surmast James Chappell.
Fi tmiem il-quddiesa, il-Kappillan ippreżenta rigal tal-okkażjoni lill-Isqof Cremona fejn kixef lapida kommemorattiva fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-150 sena tal-parroċċa.