Il-paroli fil-vojt u z-zekzik marda agħar mill-coronavirus – Il-Papa

FILE PHOTO: Vatican Media/Handout via REUTERS

Read in English.

“Meta naraw lil xi ħadd minn ħutna li jagħmel xi żball jew li għandu xi difett,” qal il-Papa, “l-ewwel ħaġa li nagħmlu ħafna drabi hi li mmorru ngħidu dwarhom ma’ ħaddieħor. Inzekzku.” “Ħuti, nitlobkom li nagħmlu sforz flimkien biex ma ngħidux fuq xulxin,” temm jgħid il-Papa. “Il-paroli fil-vojt huwa marda agħar mill-Covid!”

Il-Papa Franġisku qal dan qabel it-talb Marjan tradizzjonali tal-Angelus, meta rrifletta fuq il-Vanġelu tal-ġurnata (Mt 18:15-20), fejn Ġesù jitkellem dwar il-korrezzjoni bejn l-aħwa.

Il-Papa qal li l-episodju jistedinna biex nirriflettu dwar żewġ dimensjonijiet tal-ħajja Kristjana: dik komunitarja, “li titlob għall-ħarsien tal-aspetti komunali” u dik personali, “li għandha l-obbligu ta’ attenzjoni u rispett għal kull kuxjenza individwali.”

Il-Papa Franġisku qal li Ġesù jurina kif għandna nieħdu tliet passi importanti biex nikkoreġu lil xi ħadd minn ħutna li jkun għamel dnub.

Hu kompla jispjega u jirrifletti dwar x’jiġri meta aħna nzekzku dwar membru mill-komunità tagħna, minflok nagħżlu li nikkoreġu b’imħabba lil ħutna.

Kompla jgħid li meta nzekzku aħna nagħlqu qlubna għall-komunità u dan huwa ta’ dannu għall-unità tal-Knisja, minħabba li z-zekzik huwa arma li x-xitan juża biex jiżra l-mibegħda.