Il-Parlamentari nsara fil-Pakistan jiffurmaw Forum

Membri Parlamentari nsara fil-Pakistan ingħaqdu biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi

Fil-Pakistan tnieda il-Forum tal-Parlamentari Nsara li fih parlamentari nsara minn diversi partiti politiċi jiltaqgħu flimkien, jiddiskutu, iħabbtu l-ideat u jsibu soluzzjonijiet għall-problemi serji li l-komunitajiet insara fil-Pakistan iħabbtu wiċċhom magħhom.

Peter J David, Direttur tal-“Forman Christian College”  qal lill-aġenzija tal-ħbarijiet FIDES li issa il-ħolma ta’ 20 sena sħaħ saret realtà. Hu qal li kien iddiskuta l-idea tat-twaqqif ta’ dan il-Forum snin ilu ma’ Shahbaz Bhatti, li kien inqatel fl-2001 u wara sab ukoll l-appoġġ ta’ membri parlametnari oħra.

 Fuq kollox hu rringrazzja lil Aamir Naveed Jeeva, membru tal-Partit Popolari tal-Pakista li hu membru tal-Assemblea Nazzjonali, għall-għajnuna konkreta li ta biex twaqqfet din l-organiżazzjoni.  “Qed nbdew process li jrid jara membri parlamentari magħquda biex jiffurmaw pjattaforma unika biex tiġġieled problemi politiċi, soċjali u reliġjużi, flimkien.

Diskriminazzjoni

Fost il-problemi li jridu jkunu ndirizzati hemm dawk importanti bħalma huma d-diskriminazzjoni kontra l-minoritajiet insara, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għall-insara, l-opportunitajiet edukattivi limitati għaż-żgħażagħ, ir-rappreżentanza nisranija fqira fil-ġudikatura, fil-forzi tal-ordni u l-impatt tal-Liġi dwar id-Dagħa fuq il-komunità nisranija fil-Pakistan.

Wara l-ewwel laqgħa li saret f’dawn l-aħħar jiem f’Lahore, il-laqgħa li jmiss se ssir fi Frar, meta l-Forum ikun preżentat formalment fil-pajjiż, ikunu approvati l-istatut tiegħu, pjan strateġiku u t-triq ‘l quddiem.

Naveen Aamir Jeeva, qal li l-Forum jinkludi fih membri parlamentari minn erba’ provinċji Pakistani: Punjab, Sindh, Baluchistan u Khyber Pakhtunkhaw. Dawn il-membri se jużaw riżorsi tal-partiti politiċi rispettivi tagħhom biex jilħqu miri komuni.  Il-Forum għandu jservi wkoll bħala pont bejn il-komunità, il-kleru u l-attivisti soċjali.

Attitudni ostili

Waħda mir-raġunijiet li wasslet għall-ħolqien ta’ dan il-Forum kienet l-attitudni ostili tal-Gvern tal-Provinċja ta’ Khyber Pakhtunkhaw, li qed jipprova jaħtaf taħt il-kontroll tiegħu Istitut Nisrani importanti u storiku – il-Kulleġġ Edwardes ta’ Peshawar, billi juża mezzi illegali biex jinnazzjonaliżah, qed isostnu mexxeja insara.

Jeeva Naveen Aamir spjega li: “Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-pajjiż qed tittieħed din it-tip ta’ inizjattiva. Lil hinn mis-sħubija f’xi partit politiku qed ningħaqdu biex inġibu ‘l quddiem il-ħajja umana, soċjali u politika tal-insara fil-Pakistan u biex inwarrbu l-ostakli l-komunità nisranija tiffaċċja u nagħtu vuċi lil kulħadd. Id-diskriminazzjoni u l-mibegħda għal minoranzi reliġjużi iħeġġuna biex nieħdu ħsieb il-minoranzi fil-Pakistan, speċjalment billi nedukaw lill-memri tal-komunitajiet”.

Ejaz Alam Augustine, membru parlamentari nisrani u Ministru għad-Drittijiet Umani u d-Drittijiet tal-Minoritajiet fil-provinċja tal-Punjab qal li “Irridu naħdmu flimkien b’risq il-komunità tagħna għax l-insara fil-Pakistan huma milquta min-numru ta’ problem. Il-kollaborazzjoni tal-membri parlamentari nsara f’dan il-Forum hi pass ‘l quddiem. Problema ta’ nkwiet kbir hi l-konversjoni sfurzata ta’ nisa u minuri għal reliġjonijiet oħra.  Inħeġġeġ lill-membri parlamentari nsara kollha biex jipparteċipaw f’dawn il-laqgħat u nsaħħu dan il-Forum li jrid jaħdem għal raġunijiet tajbin”.