Il-Parlament Ugandiż jonora lill-Papa San Pawlu VI

Group photo of African Bishops outside Uganda's Parliament House

Il-Parlament tal-Uganda għamel seduta speċjali li matulha ngħata tifħir kbir lill-Papa San Pawlu VI li fl-1964 ikkanonizza 22 martri Kattoliku Ugandiż filwaqt li kkontribwixxa b’mod qawwi biex kibret il-fidi Kattolika fil-pajjiż.

Il-ġimgħa li għaddiet fl-Uganda ltaqgħet il-Konferenza tal-Isqfijiet Afrikani magħruf bħala SECAM. Il-Ħamis l-Isqfijiet kienu mistiedna għal seduta parlamentari straordinarja li matulha l-membri tal-Parlament tkellmu dwar u taw tifħir lill-Papa Pawlu VI.

L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Vatikan irrappurtat li fil-Parlament intqal li dak li għamel għall-Uganda il-Papa Pawlu VI ta għarfieninternazzjonali kbir lill-pajjiż.

Wara li fl-1964, Papa Pawlu VI kien ikkanoniżża l-martri Ugandiżi, ħames snin wara kien żar il-pajjiż Afrikan u waqt dik iż-żjara kien inawgura s-Symposium tal-Konferenzi Episkopali Afrikan (SECAM).

L-Isqfijiet fil-Parlament

Il-gazzetta Ugandiża “Daily Monitor” qalet li fil-Parlament tressqet riżoluzzjoni mid-Deputat Lucy Akello biex il-Parlament jagħti ġieħ lill-Papa San Pawlu VI. Waqt dan id-dibattitu, l-Isqfijiet Afrikani li kienu qed jiltaqgħu fil-pajjiż, assistew mill-gallerija tal-Parlament riservata għall-mistiedna distinti.

Waqt id-dibattitu parlamentari, Akello qalet li ż-żjara tal-Papa Pawlu VI u l-fatt li ikkanonizza lill-martri Ugandiżi għenet biex il-fidi Kattolika fil-pajjiż tkompli tikber. Il-Parlament iddikjara li d-data tat-3 ta’ Ġunju ta’ kull sena għandha tinżamm bħala festa pubblika u msejħa Ju mil-Martri.

Akello ssuġġeriet ukoll li l-Uganda għandha ssib mod xieraq biex turi d-dejn li għandu l-pajjiż ma’ San Pawlu VI u mal-Arċisqof Joseph Kiwanuka, għall-kontribut li taw lill-pajjiż. L-Arċisqof Kiwanuka, Missjunarju Afrikan kien wieħed mill-ewwel Afrikan li kien konsagrat Isqof Kattoliku u kien preżenti f’Ruma meta saret il-kanoniżazzjoni tal-Martri Ugandiżi.

Tifħir lill-ewwel missjunarji

Id-Deputat Prim Ministru tal-Uganda, il-Ġeneral Moses Ali qal li “Jien ukoll irrid insellem lill-Missjunarji li wasslu r-reliġjon fl-Uganda. Ma nafx x’kienet tkun l-Uganda illum kieku ma ġewx dawn il-missjunarji. Illum għandna l-paċi fil-pajjiż għax il-missjunarji talbu għal dan il-pajjiż”.

L-iSpeaker tal-Parlament, Rebecca Kadaga tat merħba lill-Isqfijiet Afrikani li kienu preżenti fil-Parlament, li wara s-seduta tkellmu mal-membri parlamentari u mal-impjegati tal-Parlament.

Min-naħa tiegħu, l-Isqof Joseph Anthony Zziwa, President tal-Konferenza Episkopali  rringrazzja lill-Parlament li approva l-mozzjoni f’ġieħ il-Papa San Pawlu VI u l-Arċisqof Kiwanuka, llum mejjet.