Il-Parlament tan-Nanniet 2020: ‘In-Nanniet u r-Realtà Attwali’

Read in English.

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa edizzjoni oħra tal-Parlament tan-Nanniet organizzata mill-Parlament ta’ Malta flimkien mal-Fondazzjoni Nanniet Malta, bit-tema ‘In-Nanniet u r-Realtà Attwali’.

L-Ispeaker tkellem dwar is-sehem tan-nanniet fil-familja, id-dritt tal-ħajja, visitation rights, talba mressqa min-nanniet f’dawn is-snin, id-dritt tat-tfal għal trobbija tajba u l-effett tal-imxija tal-mikrobu COVID-19 fuq l-anzjani u n-nanniet.

Huwa qal li s-sehem tan-nanniet fil-familji hu neċessarju għax waqt li jieħdu ħsieb in-neputijiet żgħar tagħhom, jippermetti lil uliedhom jiksbu l-mezzi neċessarji għall-għajxien diċenti u dinjituż ta’ uliedhom u tan-neputijiet tagħhom. L-Ispeaker fakkar lin-nanniet li r-responsabbiltà tat-trobbija tal-ulied hi primarjament tal-ġenituri u fisser li l-kollaborazzjoni bejn in-nanniet u wliedhom hi msejsa fuq l-imħabba naturali tal-ġenituri lejn uliedhom, fejn il-ġenituri jixtiequ l-aħjar lil uliedhom. Din ir-rabta hi waħda dejjiema.

L-Ispeaker sostna li fil-familja l-ġenituri jgħaddu lil uliedhom valuri għonja, fosthom l-imħabba u r-rispett reċiproku, l-għarfien tan-dinjità tal-persuna umana u l-imħabba lejn il-ħajja. L-Ispeaker qal li kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja, li jsir indispensabbli fil-kuntest taż-żgħar u dawk kollha li jeħtieġu protezzjoni mill-ġenituri, ta’ persuni adulti u tassew maturi. Hu saħaq li l-Istat għandu d-dover li jħares id-dritt tal-ħajja umana, l-aktar tad-dgħajfa, tat-tfal kollha mingħajr eċċezzjoni inklużi tat-trabi f’ġuf ommhom. F’dan ir-rigward, l-Istat għandu jgħin lill-ġenituri, inklużi dawk l-ommijiet f’diffikultà.

Tkellem ukoll dwar it-talba tan-nanniet għal visitation rights, li tirriżulta minn tilwim fil-familja. Waqt li kulħadd għandu jkun responsabbli ta’ għemilu, it-tfal m’għandhom qatt jintużaw bħala mezz ta’ piki jew ras iebsa. Jekk isir dan, inkunu qed inżiedu l-uġigħ lill-ulied, b’dannu għall-formazzjoni tagħhom. Saħaq li l-ulied għandhom jitrabbew fl-għożża u f’ambjent familjari tajjeb. Dan ifisser li lkoll kemm aħna għandna niżguraw lil uliedna rabtiet familjari uniċi u partikulari, inklużi l-imħabba u l-għożża tan-nanniet u ta’ qraba oħra. L-ulied għandhom dritt li jkollhom trobbija tajba.

Irringrazzja lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-Istat u tal-Knisja impenjati fil-ħarsien u s-solidarjetà soċjali. Maż-żmien, din il-kollaborazzjoni ssarrfet f’ħidma fejjieda favur il-vulnerabbli anzjani u oħrajn hekk kif pajjiżna ntlaqat mill-imxija tal-COVID-19. L-Ispeakerbirringrazzja lit-tobba, lill-infermiera u lill-carers tal-anzjani, lill-ħaddiema tas-servizzi tas-saħħa u lill-ħaddiema ta’ servizzi essenzjali ta’ pajjiżna. Wera apprezzament għall-għaqdiet ta’ volontarjat u għal dawk kollha li ħadu inizjattivi ta’ natura filantropika b’għadd sabiħ ta’ Maltin u ta’ Għawdxin jilqgħu l-appell tagħhom sabiex jieħdu sehem u jikkontribwixxu biex jgħinu liż-żgħar fis-soċjetà tagħna.

L-Ispeaker ikkonkluda d-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-anzjani Maltin u Għawdxin kollha li taw l-akbar kontribut matul dan iż-żmien fejn grazzi għas-sagrifiċċju li għamlu hekk meta faqqgħet l-epidemija, dawn kollha baqgħu ġewwa, ħafna minnhom fi djarhom u b’hekk ġie kkontrollat l-ammont ta’ mwiet. Tenna l-importanza li għandhom jibqgħu kemm jista’ jkun ġewwa fl-interess tagħhom, ta’ uliedhom u tan-neputijiet tagħhom.

Matul il-Parlament tan-Nanniet 2020, taw sehemhom il-President Emeritus u ċ-Chairperson ta’ The Malta Foundation for the Well-Being of Society Marie-Louise Coleiro Preca, is-Sur Philip Chircop, President-Fundatur, Fondazzjoni Nanniet Malta, Dott. John Cachia, Kummissarju dwar is-Saħħa Mentali, is-Sur Matthew Bartolo, Konsulent u Psikoterapista, Dott. Rachael Scicluna, Antropologa, u l-membri parlamentari: Silvio Parnis, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, David Agius, Maria Deguara u Jean Claude Micallef.