Il-Parlament se jkompli minkejja l-lockdown għall-anzjani

Il-ħidma tal-Parlament Malti mistennija tkompli anki fid-dawl tal-miżuri li tħabbru lbieraħ mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Dan ikkonfermah uffiċjal tal-Parlament li f’kummenti ma’ Newsbook.com.mt qal li l-miżuri kontra l-imxija tal-coronavirus li ttieħdu sa issa jibqgħu jgħoddu.

Il-Parlament huwa aġġornat għal nhar it-Tnejn li ġej bl-aħħar seduta parlamentari qabel il-vaganzi tal-Għid tkun nhar l-Erbgħa l-1 ta’ April.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li għadd ta’ deputati ġew affettwati bil-lockdown parzjali li tħabbar ilbieraħ fejn persuni li għandhom aktar minn 65 sena u persuni b’mard kroniku se jkollhom jibqgħu d-dar. Membri oħra ġew affettwati wkoll minħabba li qraba tagħhom li jgħixu fl-istess dar huma parti mill-popolazzjoni li ntalbet tibqa’ d-dar u għaldaqstant japplikaw l-istess kundizzjonijiet. Dan minbarra deputati oħrajn li jinsabu fi kwarantina u qed jitniżżlu bħala skużati fl-attendenza tal-Parlament.

Fost il-miżuri li diġà ttieħdu hemm l-iscreening għad-deni lil kull deputat, ħaddiem u uffiċjal tal-Pulizija li jidħol fil-Parlament u anki miżuri ta’ tele-working għall-ħaddiema.

Deputati li qiegħdin fil-lockdown jistgħu japplikaw għad-dispensa iżda s’issa l-amministrazzjoni tal-Parlament ma kinitx infurmata li kien hemm każijiet bħal dawn.