Il-Parlament se jiddedika seduta dwar il-Brexit

Gvern u Oppożizzjoni jaqblu li l-Unjoni Ewropea ma għandiex tieħu pożizzjoni mgħaġġla dwar in-negozjati mar-Renju Unit fuq il-Brexit. Qablu ukoll li l-UE ma għandiex tiddiskuti emendi għat-trattat tal-UE kif ukoll li l-Parlament Malti, għandu jiddedika seduta biex jiddiskuti l-pożizzjoni li għandha tieħu l-UE dwar in-negozjati mar-Renju Unit.
Fi stqarrija ministerjali, ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-vot biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE hu reality check għall-UE. Sostna li l-UE teħtieġ perijodu ta’ riflessjoni dwar l-implikazzjonijiet ta’ dan il-vot. Saħaq li l-UE ma tistax tibqa’ elitista u trid tinbidel u tiddiskuti affarijiet li jolqtu lill-Ewropej. Qal li l-Presidenza Maltija għandha tkun sinjal qawwi biex tgħin lill-UE ssir iżjed Ewropa favur in-nies.
Qal li r-reazzjoni ta’ xi istituzzjonijiet Ewropej għar-riżultat tar-referendum Ingliż setgħet kienet aħjar. Qal li llum hemm għarfien li r-Renju Unit għandu jingħata ċans, mhux indefinit, jiddeċiedi eżattament xi jrid, għaliex f’dan il-pajjiż ma hemmx idea dwar x’forma ta’ relazzjoni għandu jkollu mal-UE. Dwar x’se jsir mill-presidenza tar-Renju Unit tal-UE, qal li għad hemm biss spekulazzjonijiet. Malta tippreferi li l-Presidenza tal-Estonja tiġi antiċipata b’sitt xhur għalkemm sostna li Malta lesta għal xi forma ta’ kompromess li għalkemm tistenna għajnuna finanzjarja għal “sfida bla preċedenti għas-settur pubbliku Malti”.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt li qabel mal-linja meħuda mill-Gvern sostna li l-interess Nazzjonali jirrikjedi Ewropa magħquda u b’saħħitha. Tenna l-qbil favur pożizzjoni meqjusa tal-UE li ma tkunx mgħaġġla, iżda fl-istess ħin soda.
Fi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Muscat qal li fuq livell Ewropew hemm qbil li l-Ingliż għandu jibqa’ lsien ta’ ħidma tal-UE għalkemm irid jkun diskuss kif dan se jiġi ffinanzjat għaliex il-piż li sa llum kien iġorr ir-Renju Unit issa jibda’ jinġarr minn Malta u l-Irlanda. Qabel ukoll ma' proposta tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea li l-Parlament Malti jiddiskuti l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u ssuġġerixxa li d-data tiġi diskussa mill-Kumitat dwar l-Affarijiet tal-Kamra.