“Il-Parlament mhux post tal-avukati u t-tobba biss” – Scicluna

Edward-Scicluna-Budget
Miguela Xuereb

L-eks Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna sellem lill-Parlament illejla wara kważi tmien snin bħala deputat Laburista.

Scicluna se jirriżenja mill-parlament biex jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali wara li n-nomina tiegħu ġiet approvata mill-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi ilbieraħ f’seduta mqanqla fejn il-membri tal-Oppożizzjoni vvutaw kontra n-nomina tiegħu.

Huwa qal li daħal fil-politika fit-tmiem tal-karriera tiegħu u għalhekk, jissejjaħ teknokratiku. Scicluna qal li t-teknokratiku mhux robot li ma jifhimx fil-politika. Hu appella biex fil-Parlament jkun hemm taħlita iktar wiesgħa ta’ professjonijiet u mhux biss avukati u tobba. L-eks Ministru qal li hemm bżonn li nies professjonali ma jiġux imnaffra mill-politika biex il-Parlament ma jiġix imfaqqar minn ċerti kompetenzi.

Scicluna qal li r-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat għandha titjieb u jogħlew l-istandards tal-politika biex professjonisti mħajrin għall-politika ma jaħsbux li se jkunu qed jitilfu l-ħin jekk jidħlu għall-politika.