Il-Parlament m’approvax il-mozzjoni tal-PN dwar l-ilmenti fil-FAM

Il-Parlament m'approvax il-mozzjoni mressqa mill-Partit Nazzjonalista dwar ilmenti ta’ promozzjonijiet mill-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-mozzjoni m’għadditx bi 33 vot kontra u 29 favur.  
Fid-dibatitu Dr Simon Busuttil qal li qatt ma ġara li entità indipendenti bħall-Ombudsman qed issib ostakli fil-ħidma tagħha.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jqis bħala serju, in-nuqqas ta’ ftehim bejn l-Ombudsman u l-Ministeru għall-Intern dwar jekk l-Ombudsman jistax jisma’ każijiet mressqa minn uffiċjali tal-FAM.
Dr Busuttil qal li l-Ombudsman għandu jipprotesta u jitlob għall-koperazzjoni tal-Gvern biex jara dokumenti u informazzjoni li allegatament qed ifixklu l-invesigazzjoni.
Il-Ministru Manuel Mallia wieġeb lura li jekk il-liġi tibqa’ l-istess, is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, u li ma tistax tinkiser liġi u tintuża sistema li mhix legali.