Il-Parlament jsellem il-memorji ta’ Lino Gauci Borda, Ġoġo Mifsud Bonniċi

Il-Kamra tad-deputati sellmu l-memorja ta’ l-ex deputat Nazzjonalista Lino Gauci Borda. Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li Gauci Borda minkejja li kien minn tas-Sliema kien jħobb l-iktar lil Fleur-de-Lys fejn serva bħala tabib tal-familja.

Huwa qal li serva fil-parlament għal 12 –il sena bejn 1976 u 1994 meta irreżenja mill-parlament u rtira mill-politika.

Id-deputat kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius tenna l-kliem tal-ex- ministru Tonio Borg li ddeskrivih bħala deputat li jibqa mudell ta’ kif jirrapreżenta lill-poplu mingħajr storbju. Agius qal li fl-ewwel diskors tiegħu 42 sena ilu, Gauci Borda nsista li hemm bżonn li l-membri parlamentari juru lill-poplu li fil-parlament jaħdmu flimkien għal ġid tal-pajjiż biex il-pajjiż ma jibqax maqsum.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi sellem ukoll il-memorja tal-ex-Prim Imħallef Ġoġo Mifsud Bonniċi.

Huwa qal li l-Prof. Mifsud Bonniċi tiddistingwa ruħu fit-tliet oqsma li ħadem fihom jiġifieri, fil-filosofija fil-liġi u fil-kamp sportiv.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Ġoġo Mifsud Bonniċi kien akkamediku u studjuz kif ukoll kien iħobb il-ħajja.