Il-Parlament jikkanċella s-safar uffiċjali tal-MPs

L-Ispeaker tal-Parlament ħabbar miżuri ġodda minħabba l-COVID-19 għall-Parlament u għall-MPs. Fejn huwa possibbli, il-vjaġġi uffiċjali barra minn Malta tal-Membri Parlamentari se jiġu kkanċellati.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Ispeaker qal li daħlu fis-seħħ regolamenti ġodda minħabba l-virus b’effett mil-lum. Dan sar bi qbil mal-Whips taż-żewġ naħat tal-Kamra.

Il-Parlament se jkompli jiltaqa’ però l-aċċess għall-pubbliku se jkun ristrett. Se jiġu sospiżi l-one-time passes għad-dħul fil-Parlament sakemm ma jkunx meħtieġ. Ġew sospiżi wkoll attivitajiet oħra fil-Parlament bħall-konferenzi u s-seminars.