Il-Parlament jiddiskuti s-sitwazzjoni fil-Libja

Matul id-diskussjoni fil-Parlament dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Kapijiet Ewropej tal-missjoni fi Tripli avżaw li għadu mhux il-waqt li ssir evakwazzjoni mil-Libja.
Qal li hemm ftehim biex iċ-ċittadini Ewropej jitilqu kollha f’daqqa jekk tingħata l-ordni tal-evakwazzjoni.
Enfasizza li l-Gvern qed jagħti l-għajnuna lill-persuni kollha li jridu jitilqu mil-Libja u sostna li l-Gvern għandu d-dettalji tal-Maltin li għadhom f’dan il-pajjiż.
Il-Prim Ministru enfasizza li kulmin għadu fil-Libja, iddeċieda minn jeddu li jibqa’ f’dan il-pajjiż. 
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil staqsa jekk Malta għandhiex pjan ta’ kontinġenza u jekk il-Gvern hux ippreparat bizzejjed għas-sitwazzjoni kif qed tisvolġi fil-Libja.
Enfasizza li l-ewwel prijorità hija s-sigurta tal-Maltin li qed jaħdmu fil-Libja u staqsa x’qed jagħmel il-Gvern biex iħares l-obbligu ewlieni tas-sigurtà tal-Maltin fil-Libja u biex iħares l-investiment li għandhom il-Maltin f’dan il-pajjiż.
Simon Busuttil qal li qed jaslu rapporti minn Maltin li mhux kuntenti bil-Gvern għax mhux qed isir biżżejjed biex jiġu evakwati.
Staqsa wkoll jekk Malta tistax tgħin bl-istess mod kif sar mill-amministrazzjoni preċedenti waqt ir-rivoluzzjoni tal-2011.
Simon Busuttil qal li matul din ir-rivoluzzjoni, il-Gvern Nazzjonalista żamm kontinwament aġġornat lil Dr Joseph Muscat, li dak iż-żmien kien Kap tal-Oppożizzjoni.
Busuttil qal li s-sitwazzjoni fil-Libja hija tal-biża, speċjalment fi Tripli u l-attakki li saru fuq l-ajruport.
Qal li kellha tkun l-Oppożizzjoni li ssir mozzjoni biex is-sitwazzjoni fil-Libja tiġi diskussa fil-Parlament.
Dr Busuttil ressaq emenda għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-Kamra tirrisolvi biex ir-raġel Malti li nħataf fil-Libja jinħeles u jinġieb lura Malta mill-aktar fis. 
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco qal li l-Kamra trid tisma’ x’qed jagħmel il-Gvern u pajjiżna bħala membru tal-komunità internazzjonali biex il-Libja timxi ‘l quddiem.
Qal li l-poplu għandu jingħata l-opportunità li jisma bl-istrateġija tal-Gvern.
De Marco qal li l-Gvern għandu jkollu pożizzjoni ċara li jħares l-interess nazzjonali, li jħares il-ħajja tal-Maltin maqbudin fil-Libja u kif se jgħin lill-poplu Libjan f’dan iż-żmien diffiċli.
Filwaqt li enfasizza li trid tittieħed azzjoni biex il-Libja jsir pajjiż stabbli, qal li pajjiżna jista’ jgħin.
Id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli sostniet li meta kien inħataf Malti fin-Niġerja, il-Ministru responsabbli dakinhar kien tkellem mal-ewwel.
Enfasizzat li għandhom isiru laqgħat ta’ aġġornament tas-sitwazzjoni fil-Libja mal-Oppożizzjoni.
Marthese Portelli qal li dakinhar tar-rivoluzzjoni tal-2011 kienu ġew evakwati aktar minn 20,000 ħaddiem mil-Libja lejn Malta.
Iddeskriviet din il-ħidma bħala l-ikbar operazzjoni ta’ evakwazzjoni fl-istorja ta’ pajjiżna.
Qalet li dakinhar kienu inżammu d-dettalji kollha tal-Maltin li kienu ġew ikkuntattjati biex jiġu evakwati.
Qalet ukoll li l-Gvern ma’ ħasibx għal pjan ta’ kontinġenza.
Portelli sostniet li mhux permissibbli li l-Ambaxxata Maltija fil-Libja, f’dan iż-żmien kruċjali, għamlet żmien twil mingħajr diplomatiċi.   
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella qal li r-realtà fil-Libja mhix kif qed tiġi deskritta fil-midja.
Qal li meta l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni qed tgħid li l-Ambaxxata Maltija fil-Libja mhux qed tagħti l-għajnuna, din id-dikjarazzjoni mhux ġusta għaliex mhux il-Maltin kollha fil-Libja qed jagħmlu użu mill-mezzi ta’ evakwazzjoni li qed joffri l-Gvern.
Dwar l-Ambaxxatur Malti fil-Libja qal li wara l-laqgħa tal-Ambaxxaturi f’Malta baqa’ jgħin fil-crisis centre fil-Ministeru sakemm telaq b’periklu kbir lura Tripli mit-Tuneżija.
Il-Ministru Vella qal li offra lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni biex jindikalu ġurnata biex jagħtih l-informazzjoni kollha.
Enfasizza li qed isir monitoraġġ tas-sitwazzjoni fil-Libja kull siegħa u mhux biss kuljum għax is-sitwazzjoni hija kumplessa ħafna, b’nies li huma armati.
Il-Ministru Vella qal li apparti l-crisis unit, minn April li għadda twaqqaf l-operations unit u sal-lum saru eluf ta’ telefonati u modi oħra ta’ komunikazzjoni ma’ kull Malti u Maltija li l-Gvern jaf bihom, li jammontaw għal madwar 250 persuna.
Staqsa jekk matul dan iż-żmien l-Oppożizzjoni għamlitx mistoqsijiet fil-Parlament dwar il-Libja jew diskussjoni fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin.
George Vella qal li fil-Libja ssir pressjoni kbira fuq il-Konsolat mhux bħal f’pajjiżi oħra. 
Qal li qed isir eżerċizzju kuljum biex jekk ikun hemm il-bżonn issir evakwazzjoni ġenerali. 
Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li d-diskussjoni mhux kwistjoni bejn il-Ministru u x-Shadow Minister u hu jiddependi mill-impenji tal-Ministru biex jiltaqa’ miegħu biex jingħata l-informazzjoni.
Qal li meta jingħata l-ġurnata jmur u jiltaqa’ mal-Ministru Vella.
Iddeskriva iljieli twal bla irqad fiż-żmien meta kien Ministru waqt ir-rivoluzzjoni Libjana tal-2011.
Mifsud Bonnici qal li l-imsieħba Ewropej iduru lejn Malta għall-gwida tal-evakwazzjoni mil-Libja.
Enfasizza li l-crisis centre kellu jopera f’kollaborazzjoni ma’ Ministeri oħra u mhux biss mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin filwaqt li qal li kien jistenna li jiġi maħtur Ambaxxatur fil-Libja b’aktar esperjenza.
Mifsud Bonnici għamel referenza għal-laqgħa li saret bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru Ingliż David Cameron fejn qal li r-riżoluzzjoni dwar il-Libja għadha tapplika u staqsa jekk dan jindikax li jistgħu jerġgħu isiru interventi militari fil-Libja.
Qal li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni serviet biex saret diskussjoni tajba fil-Parlament biex il-Maltin isiru jafu aktar xinhu jiġri fil-Libja.