Il-Parlament jiddiskuti mozzjoni kontra regolamenti dwar ġbir ta’ data

Aġġornata: 
21:13 Votazzjoni: 37 vot kontra, 30 vot favur. Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni m'għaddietx. 

21:10 Votazzjoni: il-mozzjoni m'għaddietx. Il-Kamra tgħaddi għal Division u jingħalqu l-bibien tal-Kamra. 

21:08 Simon Busuttil: "X'ironija li fl-istess lejla li fiha qed niddibattu liġi dwar l-unjoni ċivili, il-Gvern qed jipproponi liġi li tikser drittijiet oħra ċivili".

21:05 Simon Busuttil: "Lesti mmorru quddiem il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, quddiem it-Tribunal tal-Appell u quddiem il-Qorti Ewropea biex niddefendu d-dritt fundamentali tal-informazzjoni personali dwar it-tfal tagħna"

21:00 Simon Busuttil: "Għalfejn il-Gvern irid jieħu informazzjoni anke jekk il-ġenituri ma jridux?", "Dan il-Gvern jippretendi li jkun hu, mhux iċ-ċittadin, li jiddeċiedi x'informazzjoni għandu jkollu dwar iċ-ċittadini Maltin – dan hu żbaljat". "M'aħniex ngħidulek li għandek intenzjonijiet ħżiena imma li m'għandux ikollok iktar poteri milli għandek".

20:51 Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil (PN) – "Qed noġġezzjonaw ma' dan l-Avviż Legali għax jagħti poteri sproporzjonati f'idejn il-Ministru tal-Edukazzjoni b'rabta mal-istudenti. Jew il-Gvern irid jabbuża inkella hu Gvern inkompetenti b'liġi li qed juri li ma jafx x'inhu jagħmel – tikser id-dritt fundamentali tal-privatezza tat-tfal tagħna". "Din hi liġi li ddaħħlet baxx baxx, kienet l-Oppożizzjoni li kixfet dak li jrid jagħmel il-Gvern". "Agħmel ir-riċerka mingħajr ma tikser id-dritt tal-privatezza tal-istudenti tagħna". "M'hemmx għalfejn din l-informazzjoni personali kollha, inkluż dwar tfal fiċ-childcare centres, biex tfassal policies – Avviż Legali nieqes minn sens ta' dak li hu bilanċjat".  

20:34 Il-Ministru Helena Dalli (PL) – Il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data jsegwi kull talba għal informazzjoni personali. "Il-Gvern m'għandu ebda ħsieb li jabbuża, iktar u iktar meta l-każ jitratta t-tfal". 

20:21 Paula Mifsud Bonnici (PN) – "L-Avviż Legali jqajjem dubji serji dwar l-integrità tal-Gvern. Sar b'intenzjoni ħażina u qerq – min għamel dan l-Avviż Legali ma ħares lejn ebda liġi oħra dwar il-ġbir tad-data". 

20:10 Il-Ministru Michael Farrugia (PL) – Il-Gvern ikkonsulta l-ħin kollu mal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data li kien innominat mill-Oppożizzjoni meta kienet fil-Gvern. "L-istatistika ma tidentifikax min verament għandu problema".

20:01 Claudette Buttigieg (PN) – "Jekk trid informazzjoni dwar xi ħadd, itlobhielu mhux tiġborha wara dahru. L-Avviż Legali hu fundamentalment ħażin. Il-Gvern suppost jipproteġi liċ-ċittadin mill-abbuż tad-data". "Aħna bħala ġenituri niġu mitluba f'kull okkażjoni biex nagħtu l-kunsens tagħna biex informazzjoni dwar uliedna tkun pubblika. Uliedna huma uliedna u m'humhiex tal-istat". 

19:51 Anthony Agius Decelis (PL) – Trid tiġbor id-data biex tkun tista' tistudja s-sitwazzjoni. "Kull min jagħmel l-affarijiet serji jiġbor id-data".

19:34 "L-intenzjoni mhix il-kejl ta' kollox" – Mario de Marco (PN). Jikkwota deċiżjoni tal-Qorti Ewropea li ħarset id-dritt tal-privatezza minkejja "l-intenzjonijiet tajba tal-UE" b'rabta mas-sigurtà. Saħaq li tajba kemm hi tajba l-intenzjoni spjegata mill-Ministru, l-aċċess għall-informazzjoni hu eċċessiv, u staqsa għaliex l-informazzjoni qed tintalab mingħajr l-approvazzjoni tal-istudent jew tal-ġenitur u kemm se ddum miżmuma l-informazzjoni miġbura. "X'garanziji hemm li l-informazzjoni qed tintuża b'mod tajjeb u ma tiġix abbużata?" staqsa Mario de Marco u filwaqt li qal li l-Oppożizzjoni temmen li hemm bżonn ta' iktar ħidma dwar ir-rabta tal-edukazzjoni u x-xogħol, saħaq li hemm lok għal abbuż u m'hemmx kontroll dwar l-użu tal-informazzjoni miġbura. 

19:34 "Min irid iwaqqaf dan l-Avviż Legali ma jridx ġid lit-tfal u liż-żgħażagħ", temm jgħid il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

19:23 Evarist Bartolo qal li jekk ma jidħolx fis-seħħ dan l-Avviż Legali, Malta titlef €2.4m f'fondi mill-UE għat-twettieq ta' proġett partikolari. Sostna li l-Gvern ma jistax jgħin lil "tfal anonimi".

19:17 Spjega li l-Gvern ma jrid jagħmel xejn bil-moħbi u bħala eżempju ta 'tracer studies' li l-Gvern jixtieq jagħmel, fosthom biex jara fejn bdew jaħdmu studenti partikolari u jekk hux qed jaħdmu, għalhekk jeħtieġ aċċess għan-numru tal-karta ta' identità. Saħaq li mhux veru li l-Gvern irid jagħmel xi ħsara lill-istudenti b'informazzjoni personali u m'hemm ebda intenzjoni malinna.

19:00 Il-Ministru Evarist Bartolo qal li dan l-avviż legali hu ntiż biex jgħin lil tfal u studenti bi bżonnijiet partikolari għaliex is-sistemi eżistenti ta’ ġbir ta’ informazzjoni mhux qed jaħdmu b’mod effettiv. Qal li l-ġenituri mhux dejjem jikkoperaw mal-awtoritajiet, speċjalment dawk li ma jkunux iridu jibgħatu lil uliedhom l-iskola. Sostna li llum diġà hemm liġijiet li jippermettu lill-Gvern jiġbor informazzjoni mingħajr ma jitlob il-kunsens tal-ġenituri, u li l-Gvern kiseb l-approvazzjoni tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data qabel ippubblika l-Avviż Legali. 

Iktar kmieni:
Il-Parlament illejla fetaħ  b’diskussjoni dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, ippreżentata ġimgħa ilu, kontra Avviż Legali b’rabta ma’ trasferiment ta’ data ta’ persuni li jattendu istituzzjonijiet edukattivi.
Il-mozzjoni, ippreżentata mid-deputati Joe Cassar, Paula Mifsud Bonnici u Claudette Buttigieg, titlob li l-avviż legali ppreżentat mill-Gvern jiġi revokat, imħassar u annullat minħabba, fost l-oħrajn, li dan jagħti poter lill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni u mix-Xogħol biex jiġbor informazzjoni personali “u sensittiva” dwar l-istudenti li jattendu istituzzjoni edukattiva mil-livell ta’ child care ’l fuq, f’sistemi ta’  edukazzjoni formali jew informali inkluż mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tat-Tfal fi Skejjel tal-Knisja (APCCS) esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar dawn ir-regolamenti ġodda.
Fil-ftuħ tad-diskussjoni, Joe Cassar qal li l-iskejjel ta’ 40% tal-istudenti Maltin huma kontra dawn ir-regolamenti li, fi kliemu, jinkludu wkoll l-iskejjel privati u dawk li josservaw sistema internazzjonali ta’ tagħlim, mhux Maltija. Staqsa wkoll għaliex dan l-Avviż Legali jagħti l-poter lill-Ministru u mhux lill-awtoritajiet konċernati, u għaliex tinkludi s-saħħa li l-Ministru jiġbor informazzjoni marbuta mal-karta tal-identità tal-istudent. Staqsa għalfejn ma ġietx identifikata għal liema “riċerka” jirreferi l-Avviż Legali filwaqt li sostna kemm-il darba li l-ġenituri jħarsu l-privatezza tal-informazzjoni dwar uliedhom u li dawn ir-regolamenti jiksru d-drittijiet tal-privatezza tagħhom. Sostna li dan kollu qed jesponi atteġġjament ta’ “big brother” min-naħa tal-Gvern.
Id-diskussjoni fil-Parlament dwar din il-mozzjoni qed issir illejla wara qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni l-ġimgħa li għaddiet.
Id-diskussjoni għadha għaddejja u mistennija tieħu l-parti l-kbira mis-seduta tal-lejla, bil-vot jittieħed fi tmiem is-seduta flimkien mal-vot dwar il-liġi tal-Unjoni Ċivili u l-emendi għall-Kostituzzjoni ta' Malta b'rabta mal-liġi tal-Unjoni Ċivili.