Il-Parlament jiddiskuti l-liġi dwar il-vjolenza domestika; Edwin Vassallo kontra l-kliem użat

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li se jivvota kontra l-liġi dwar l-abbuż abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika minħabba li fi kliemu qed tkompli tibni fuq il-liġi taż-żwieġ bejn l-istess sess li tneħħi r-referenza ta’ omm u missier.
Fid-diskors tiegħu huwa qal li huwa favur kull ħidma mill-Parlament, minn kull aġenzija u organizzazzjoni li jaħdmu kontra l-vjolenza domestika. Huwa talab għall-għaqda fil-Parlament biex fil-liġi, id-deputati kollha juru bil-fatti li huma kontra l-abort.
Vassallo sostna li “moralment ma jista’ qatt jaqbel ma’ liġi li mhux qed taħseb għall-ġid komuni imma tkissru”.  Kompla jgħid li din il-liġi “se ġġibna fi sqaq” u se jikbru l-problemi soċjali minħabba l-kliem użat fl-abbozz.
Il-Ministru Helena Dalli qalet li din il-liġi qed tkompli tiġġieled il-vjolenza domestika. Qalet li bil-kummenti tad-deputat Edwin Vassallo, l-Oppożizzjoni tinsab maqsuma.
Apprezzat il-kummenti tad-deputati li tkellmu qabilha filwaqt li qalet li skont hi b’dispjaċir ma tistax tgħid li l-Parlament ivvota b’mod unanimu kontra l-vjolenza domestika.
Id-deputat Robert Cutajar intervjena u qal li mhux veru li l-Oppożizzjoni hija kontra l-vjolenza domestika anzi saħaq li kull membru tal-Oppożizzjoni esprima ruħu favur kull sforz biex tingħeleb il-vjolenza domestika.
Hawnhekk, il-Ministru reġgħet qalet li wara d-dikjarazzjoni tad-deputat Vassallo, il-Parlament mhux se jivvota b’mod unanimu favur il-liġi u qalet li xtaqet li din il-liġi tgħaddi mingħajr oġġezzjoni.
Dwar l-abort, il-Ministru sostniet kemm-il darba li din il-liġi mhix se ddaħħal l-abort għaliex qalet li f’Malta l-abort huwa illegali. Saħqet li din il-liġi m’għandix x’taqsam mal-abort imma li tipprevjeni u li ma tħallix is-sitwazzjoni tiddegrada f’każijiet tal-vjolenza domestika.
Intant, hija semmiet il-konsultazzjoni li saret qabel ma tessaq dan l-abbozz u qalet li rċeviet numru ta’ sottomissjonijiet minn għadd ta’ familji.
Semmiet li din il-liġi se tgħaddi għall-istadju ta’ kumitat fejn isiru l-emendi meħtieġa iżda sostniet li li t-tibdil irid ikun iffukat biex itejjeb il-protezzjoni lill-vittmi fis-soċjetà.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li din il-liġi se tagħti n umru ta’ benefiċċji lill-vittmi biex l-istat jgħinhom jirkupraw mit-trawma li jkunu għaddew minnha. Semma l-aċċess xieraq ta’ legal aid u s-servizz ta’ sostenn għall-minuri. Spjega li dan is-servizz se jassisti lill-minuri waqt il-proċeduri u anke wara sakemm ikun hemm bżonn. Saħaq li din l-għajuna għandha tingħata minħabba li skont numru ta’ statistika li ġiet ippubblikata, juri li tfal li għexu f’ambjent ta’ vjolenza domestika għandhom aktar ċans li jiżviluppaw b’kundizzjonijiet psikoloġiċi.
Min-naħa tiegħu id-deputat Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar il-legaliżmi f’dan l-abbozz ta’ liġi. Qal li l-pieni żdiedu b’mod qawwi iżda qal li mhux kull żieda fil-pieni tista’ tfisser li l-Gvern se jikkontrolla l-problema fl-istat.
F’intervent qasir, id-deputat Robert Cutajar qal li Malta bħala pajjiż ilha taffaċċja l-problema tal-vjolenza domestika. Cutajar staqsa lill-Ministru biex tagħmilha serja li l-liġi ma ddaħħalx l-abort f’Malta filwaqt li reġa’ kkonferma li l-Oppożizzjoni hija favur il-ħajja.
Id-deputat Karl Gouder qal li din il-liġi qed iddaħħal fis-seħħ il-Konvenzjoni ta’ Istanbul iżda b’aktar mod miftuħ għax flok tiffoka biss fuq in-nisa, il-liġi ssemmi l-partijiet kollha. Bħal sħabu d-deputati Nazzjonalisti, Gouder reġa’ aċċenna għar-referenza tal-unborn child u spjega li dawn għandhom jissemmgħu bħala vittmi ukoll.
Dwar dan tkellem ukoll id-deputat Godfrey Farrugia fejn qal li mill-esperjenza tiegħu bħala tabib, l-ommijiet li jżuruh matul it-tqala dejjem jirreferu għal ġufhom bħala t-“tarbija”. Saħaq li din hija l-kultura Maltija li trid tkompli tiġi mħarsa u għalhekk għandha titħalla t-terminoloġija “unborn child” bħala membru tal-familja.
Aktar rappurtaġġ dwar id-dibattitu dwar il-vjolenza domestika fil-Parlament hawnhekk.