Il-Parlament jiddiskuti l-kannabis bħala mediċina

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment Chris Cardona ppreżenta l-abbozz ta’ liġi dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għall-użu Mediċinali fil-Parlament. Huwa qal li jkun “bla qalb li ċċaħħad lill-pazjenti minn mediċina li se ttaffilhom l-uġigħ”.

Stqarr li l-liġi “mhix se tiftaħ l-ebda tieqa li tagħmel l-użu rikreattiv tal-kannabis permessibbli” filwaqt li elenka t-tipi ta’ mard li l-pazjenti jkunu jistgħu jieħdu din it-tip ta’ mediċina fosthom il-kanċer, dawk li jkorru billi jolqtu x-xewka tad-dahar, mard post trawmatiku u l-Parkinsons'.
Dwar l-effett fuq l-ekonomija, il-Ministru qal li minn ekonomija taħt l-art, l-użu tal-mediċini tal-kannabis qed tiġi ppreżentata bħala waħda mainstream.
Semma numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fosthom ir-Renju Unit, il-Portugall, Ċipru u Spanja li għandhom xi tip ta’ liġi li tirregola l-kannabis għall-użu mediku. Il-liġi li qed tiġi ppreżentata f’Malta, il-Ministru qal li l-Gvern segwa dik tal-Iżrael u l-Kanada.
"Malta tista’ tipprateċipa fis-suq tal-produzzjoni tal-kannabis"
Il-Ministru qal li Malta se tipparteċipa fis-suq tal-produzzjoni tal-kannabis. Iddeskriva dan is-suq bħala wieħed iffullat u kompetittiv, u li fi ftit żmien Malta tista’ tipparteċipa fih.
Sostna li l-qasam tal-mediċina tal-kannabis jista’ jkollu postu f’Malta fil-qasam tal-farmaċewtika, fil-produzzjoni ta’ mediċini u anke mir-riċerka u l-immaniġġjar ta’ propjetà intelletwali li minnhom Malta tiggwadanja mit-taxxa.
Dwar il-kontenut tal-liġi, il-Ministru Cardona qal li din tillimita d-derivattivi li jistgħu joħorġu mill-kannabis u għalhekk il-produzzjoni tkun regolata.
L-ebda kultivazzjoni u importazzjoni jew produzzjoni tal-kannabis intenzjonata għall-użu tal-kannabis mediku ma jitħalla jekk mhux b’liċenzja mill-awtoritajiet kompetenti.
Sostna li l-Awtorità tal-Mediċini f’Malta se jkollha dipartiment apposta biex tirregola dan il-qasam.
Il-Pulizija se jkollha Bord tal-Appell jekk ikun hemm xi każijiet b’rabta mal-irtirar ta’ liċenzji jew kawżi oħra marbuta ma’ kull aspett skont l-att li qed jiġi diskuss.
Il-Ministru Cardona qal li “Malta m’għandhiex spazju għal kultivazzjoni fuq skala kbira u l-estrazzjoni ta’ ingredjenti attivi għandha titħalla f’idejn pajjiżi oħra”.
“Importanti li l-kultivazzjoni tal-kannabis titneħħa mil-liġi” – Claudio Grech

Min-naħa tiegħu, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Claudio Grech qal li l-liġi xorta ssemmi l-possibiltà ta’ kultivazzjoni f’Malta u għalhekk talab biex meta l-liġi tasal fi stadju ta’ kumitat, il-Gvern jikkommetti ruħu li la diġà qata' barra l-kultivazzjoni mill-politika tiegħu, jaqta' barra din l-istess referenza mil-liġi biex ma jkunx permessibbli li jkun hemm kultivazzjoni tal-kannabis f’Malta.
Żied jgħid li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta dan l-abbozz ta’ liġi fid-dawl tal-użu mediku u semma kemm-il darba kemm personalment huwa ma jaqbel xejn mat-terminu tal-kannabis għall-użu rikreattiv.
Saħaq li l-politika tal-Partit Nazzjonalista dwar l-ekonomija hija msejsa fuq “ekonomija għan-nies b’impjiegi li huma ta’ kwalità”.
Semma t-tliet elementi li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien iħares meta jkun qed jattira investiment f’Malta. L-ewwel element kien jinkludi li s-setturi li jiġu f’Malta jżidu l-valur miżjud, it-tieni li jikkontribwixxu għall-iżvilupp nazzjonali u t-tielet biex isir sforz biex jinġiebu setturi li jiffukaw fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Fisser li l-kritika tal-Oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li ma nħolqux setturi ġodda.
Dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-kannabis, Claudio Grech semma li fl-ebda pajjiż tal-Unjoni Ewropea, it-tipjip m’għandux aspetti mediċinali.
Qal li stenna li l-Ministru Cardona jippreżenta aktar dettalji dwar l-att kummerċjali u ma’ liema kumpaniji qed isiru diskussjonijiet biex jidħlu joperaw f’dan is-settur f’Malta.
Claudio Grech qal li din hija industrija li tista’ tkun kontroversjali u għalhekk stenna li l-Gvern jippreżenta Impact Assessments ta’ dan is-settur u għalhekk jippreżenta ukoll rapporti li juru kif dan is-settur jista’ jinbidel f’industrija.
Semma żewġ eżempji fl-Ewropa, fl-Italja u fl-Olanda. Spjega kif fl-Olanda hemm operatur wieħed li għandu arranġament mal-Gvern biex iforni l-prodotti tal-kannabis mediċinali u li fl-Italja dan kollu jsir mill-militar Taljan.
Appella biex il-Malta Enterprise ukoll tippreżenta l-impatt ekonomiku f’Malta u x’tip u kemm se jkunu l-impjiegi f’din l-industrija.
Fis-seduta tkellmu wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri.