Aġġornata: Il-Parlament jiddiskuti bidliet fil-liġi dwar iż-żwieġ

Aġġornata:
L-Oppożizzjoni taqbel ma' dan l-abbozz ta' liġi. Beppe Fenech Adami, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, qal li dan hu abbozz ta' liġi ieħor li għalih l-Oppożizzjoni se tivvota favur. 

It-tibdiliet ewlenin skont l-Abbozz ta’ Liġi:
– Il-partijiet se jistgħu jmexxu b’kawża ta’ annullament ta’ żwieġ quddiem il-Qrati Ċivili anke jekk waħda mill-partijiet tkun għamlet kawża għal annullament ta’ żwieġ quddiem it-Tribunal Ekkleżjastiku wara l-ftuħ tal-kawża ċivili. It-talba għal annullament ta’ żwieġ quddiem it-tribunal tal-Knisja ma jtellifx il-kawża ta’ annullament ċivili, anke jekk issir wara.
– Meta kawża ċivili tiddikkjara s-sentenza finali tal-annullament taż-żwieġ, iż-żwieġ jiġi annullat għall-effetti ċivili tiegħu kollha anke jekk ikun għad hemm kawża għall-annullament quddiem it-Tribunal tal-Knisja. Hekk persuna maħlula ċivilment tista’ terġa’ tiżżewweġ biċ-ċivil biss.
– F’każ eċċezzjonali fejn kawża fit-Tribunal Ekkleżjastiku tinqata’ qabel dik fit-Tribunal Ċivili, din is-sentenza jista’ jkollha effetti fuq il-kawża ċivili.
– Minkejja l-possibiltà li Tribunal Ekkleżjastiku jgħid li ż-żwieġ hu validu mil-lenti tal-Knisja, il-partijiet xorta jistgħu jressqu t-talba tagħhom għal annullament ċivili quddiem il-Qorti ċivili.
 
Iktar kmieni:

Il-Parlament Malti beda jiddiskuti t-Tieni Qari tal-abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ.

Id-diskussjoni nfetħet mis-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici li rrefera għall-ftehim ġdid li laħaq il-Gvern Malti mas-Santa Sede dan l-aħħar dwar iż-żwieġ.

Qal li kienet wegħda tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali li jinnegozja mill-ġdid reviżjoni tal-ftehim bejn il-Gvern u l-Vatikan dwar iż-żwieġ, biż-żewġ partijiet iffirmaw il-ftehim ġdid inqas minn sena wara l-elezzjoni. Owen Bonnici fakkar kif l-awtoritajiet tal-Vatikan mill-ewwel fehmu l-pożizzjoni tal-Gvern Malti tant li l-ftehim intlaħaq mill-ewwel. Fl-istess ħin hu rringrazzja s-sehem tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella u tal-Isqfijiet Charles Scicluna u Mario Grech għas-sehem tagħhom. 

Qal ukoll li bil-ftehim kif milħuq, ċittadini Maltin se jieħdu ġustizzja f’ħin iqsar, filwaqt li l-Gvern jimmarka b’mod ċar l-prinċipju li jħaddan, li l-Istat u l-Knisja għandhom ikunu “ħbieb kbar” imma separati.

Filwaqt li semma’ r-realtà ġdida tad-divorzju, Owen Bonnici rrefera wkoll għall-abbozz ta’ liġi li qed jiġi diskuss bħalissa fil-Parlament Malti dwar l-Unjoni Ċivili, fejn il-liġijiet Maltin dwar iż-żwieġ se jkunu qed japplikaw kollha kemm huma għal rabtiet tal-istess sess. Qal li jifhem li l-Knisja ma taqbilx ma’ dan il-ħsieb minħabba li d-duttrina tagħha tagħti definizzjoni oħra ta’ żwieġ.

Qal li llum, dak li qed jipproponi l-Gvern hu li jekk ma jaqbilx mad-duttrina tal-Knisja għandu d-dritt jieħu dik it-triq l-oħra li fl-opinjoni tiegħu hi l-aħjar. 

Owen Bonnici rringrazzja lill-Knisja f'Malta għall-ħidma qawwija tagħha fil-kamp soċjali u edukattiv fil-pajjiż, kif ukoll lill-Knisja Kattolika madwar id-dinja li ħalliet l-impronta tagħha għal bidliet rivoluzzjonarji ta' ġid kbir fil-ħsieb u fil-ħajja tal-bniedem.