Il-Parlament jiddibatti l-użu tal-kumitati amministrattivi

Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni rat lill-Kamra tad-Deputat tinqasam dwar il-pożizzjoni tal-kumitat amministrattiv jew kif inhu magħruf aħjar, hamlet.

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-hamlets isaħħu l-kunċett ta’ sussidjarjetà waqt li l-Gvern isostni li l-kunsillier se jkun inkarigat li jwaqqaf kumitat li jieħu ħsieb inħawi magħrufa bħala hamlets.

Il-Gvern b’daqqa ta’ firma neħħiehom – Cutajar

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-Gvern qed imur lura sentejn fejn wara li ħassar l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali b’daqqa ta’ firma, hekk qed jagħmel issa meta se jneħħi l-kumitati amministrattivi.

Cutajar kien qed jitkellem meta huwa ressaq mozzjoni biex jitħassar l-Avviż Legali dwar il-hamlets. 

Huwa qal li l-kumment tal-Prim Ministru li l-hamlets qatt m’għamlu xejn kien ta’ insult għall-kumitati amministrattivi bħal ta’ Baħar iċ-Ċagħaq  u l-Madliena li ħadmu qatigħ f’dawn l-aħħar snin. Huwa qal li fil-Madliena, il-kumitat ħoloq identità u nieda sistema ta’ neighbourhood watch. Bl-istess mod, f’Santa Luċija Għawdex, dan il-kumitat rebaħ premju prestiġjuż tal-UE bħala destinazzjoni ta’ eċċellenza.

Huwa qal li jekk il-kumitati amministrattivi mmexxija mill-Partit Laburista f’ Burmarrad u l-Baħrija ma ħadmux, misshom ġew xolti.

30% biss ivvutaw għal hamlets – Alex Muscat

Id-Deputat Laburista Alex Muscat qal li fl-elezzjonijiet tal-Hamlets fejn kien hemm 16,800 persuna biex jeleġġu 16–il kumitat amministrattiv, ivvutaw biss 5,500, jiġifieri 30% minħabba li dawn l-istess nies ma jarawx benefiċċju minnhom. Huwa qal li hemm partijiet oħra f’Malta bħall-Bidnija li tħallew barra.

Il-Madliena jirnexxilhom jirranġaw it-toroq kollha – Chris Said

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li dan seħħ peress li l-Partit Laburista ma kienx kapaċi joħroġ biżżejjed kandidati f’ċerti hamlets u għalhekk ma saritx elezzjoni. Huwa qal li minkejja li fil-pajjiżi Ewropej il-medja ta’ votanti hija ta’ 30%, xorta ma jitneħħewx. Huwa qal li l-hamlet tal-Madliena rnexxielu jirranġa t-toroq u jagħmel il-bankini kollha. Huwa qal li kunsilli lokali bħal tal-Għasri, lokalità ta’ 300 ruħ, u dik ta’ San Lawrenz ta’ 400 mitt ruħ qed jagħmlu d-differenza.

Kunsillier responsabbli f’vot finanzjarju ikbar – Bedingfield

Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li mhux vera li l-Gvern irid iċaħħad lin-nies mill-elezzjoni u m’hemm imkien fil-liġi li qed jingħad li l-elezzjonijiet se jitneħħew. Huwa qal li l-verità hi li issa se jkun hemm kunsillier responsabbli mill-hamlet f’vot finanzjarju ikbar. Huwa qal li jiskanta kif l-Oppożizzjoni l-ewwel ivvutaw favur ir-riforma tal-kunsilli lokali fit-tieni stadju, u issa qed jagħmlu din il-mozzjoni.

Bubaqra każ klassiku tal-falliment tal-Labour – Aquilina

L-eks sindku Karol Aquilina qal li d-Deputat Laburista Bedingfield ma qarax l-avviż legali għax dan jgħid, iswed fuq abjad, li l-kumitati amministrattivi għandhom ikunu xolti. Huwa qal li l-Gvern lanqas kellu l-kuraġġ politiku meta fil-liġi flok qed jgħid li l-kumitati se jkunu xolti, qed jgħid li se jkunu posposti b’mod indefinit. Huwa qal li l-hamlet ta’ Buqara fiż-Żurrieq huwa każ klassiku li juri l-inkapacità tal-Partit Laburista li jattira biżżejjed nies għall-elezzjonijiet tal-kumitati amministrattivi, għaliex f’lokalità b’maġġoranza Laburista u bl-inħawi ta’ Buqara b’dominanza Laburista, il-maġġoranza tal-membri tal-kumitat huma Nazzjonalisti.

Huwa qal li l-Gvern se jċaħħad lit-18,500 ruħ mid-dritt li jivvutaw b’diversi hamlets imdaqqsa fosthom is-Swatar li jinsab bejn żewġ lokalitajiet b’popolazzjoni ta’ 3,000 ruħ, il-lokalità tal-Baħrija b’1,200 ruħ u l-Kappara b’2000 ruħ.

Bħala kunsillier kont inkarigat mill-Manikata – Clayton Bartolo

Id-Deputat Laburista Clayton Bartolo qal li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ma jingħatax Hamlet għall-akkwati tal-Manikata. Iżda minkejja dan, id-Deputat Laburista bħal kunsiller kien ingħata inkarigu li jieħu ħsieb il-Manikata tant li sar investiment fuq il-kappella storika b’sistema ta’ dawl ġdid.

L-irħajjel huma l-qawmien tal-komunità – Godfrey Farrugia

Id-Deputat Godfrey Farrugia qal l-elezzjonijiet tal-irħajjel huma l-qawmien ta’ komunità ġo komunità oħra.

Kien il-PN li ried iwaqqaf l-elezzjonijiet fil-Marsa u ż-Żejtun – Silvio Parnis

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li fil-kumitati amministrattivi kien hemm diversi problemi, tant li meta fl-2014 saru t-tieni rawnd ta’ elezzjonijiet amminstrattivi fi 11 minn 16–il lokalità, l-elezzjonijiet ma sarux.

Huwa fakkar li l-Partit Nazzjonalista, li llum qed ipenġi ruħu bħala l-“pampaluni tad-demokrazija” fil-passat għamlu minn kollox biex iħassru l-elezzjonijiet fiż-Żejtun u l-Marsa biex jieħdu tkaxkira elettorali. Huwa qal li l-Gvern irid ibiddel il-kunsilli lokali fit-tieni dar tal-Maltin. Huwa qal li kien hemm żieda fil-vot tal-kunsilli lokali ta’ €7.1 miljun waqt li hemm vot ta’ €100 miljun fis-sena għall-bini mill-ġdid tat-toroq.

Bil-proposta tal-Gvern jiddeċiedi waħdu s-Sindku – David Agius

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li din mhix mozzjoni negattiva kif qed jipprova jpenġiha l-Partit Laburista minħabba li din hi mozzjoni li se tipproponi li jibqgħu l-elezzjonijiet tal-hamlets, bil-kontra ta’ dak li nkiteb fl-avviż legali.

Huwa qal li l-problema hi li flok insaħħu liċ-ċittadini tagħna, issa se jkollna s-Sindku li waħdu jiddeċiedi min se jmexxi żoni tal-hamlets. Agius qal li l-argumenti li tressqu mid-deputati Laburisti Muscat u Bartolo jikkonfermaw il-ħtieġa li l-hamlets jissaħħu biex jinħolqu hamlets fil-Bidnija u l-Manikata u mhux jitneħħew għalkollox. Agius qal li l-Gvern m’għandux il-valur tas-sussidjarjetà u fejn l-affarijiet jibdew ġejjin kontrih, jibda jieħu l-poter lura f’idejh. Agius qal li l-vot 16 tah il-Partit Nazzjonalista iżda b’mod konvenjenti l-Gvern warrab din il-mozzjoni biex jidher sabiħ maż-żgħażagħ.