Il-Parlament jiddibatti 18–il bidla fil-liġi tal-midja u l-malafama

Il-Parlament beda jiddibatti l-abbozz ta’ liġi ġdid dwar il-midja u l-malafama li, skont il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Kultura Owen Bonnici, se jfissru 18–il bidla mil-liġi fis-seħħ bħalissa li ilha fis-seħħ mill-1974.
Il-Ministru Bonniċi qal li fost l-oħrajn il-liġi proposta se tagħmilha ċara li biex kliem ikun jitqies libelluż irid ikun kliem li jikkawża ħsara serja lil persuna defamata.
Il-bidliet l-oħra jinkludu li se jitneħħa l-libell kriminali u dawk pendenti jaqgħu minnufih; ma jistax ikun hemm mandati ta’ sekwestru; id-danni fil-kawżi ċivili se jibqgħu fil-livell massimu ta’ €11,000 iżda l-Qrati jridu jaraw l-impatt tad-danni imposti fuq l-individwi li jwettqu defamazzjoni.
Il-liġi l-ġdida tgħid ukoll l-protezzjoni tas-sorsi se japplika għall-kulħadd ikluż dak meqjus "citizen journalism".
"L-OSCE rrikonoxxiet it-tneħħa tal-libell kriminali" – Il-Ministru Owen Bonnici
Il-Ministru Bonniċi qal li l-abbozz ta’ liġi tfassal bil-lingwa ngliża biex jitbagħat lill-Istituzzjonijiet Ewropew, fosthom l-OSCE. Il-Ministru Bonniċi ppubblika rapport li ħejjiet l-OSCE bħala review għall-abbozz ta’ liġi. Huwa qal li l-OSCE qed tirrikonoxxi fost l-oħrajn li se jitneħħa l-libell kriminali. Il-Ministru Bonniċi qal li l-liġi se tkun waħda mill-iktar progressivi u liberali fl-Ewropa.
"Bidliet pożittivi, l-Oppożizzjoni se tivvota favur" – Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder
Fid-diskors tiegħu id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder tkellem dwar din il-liġi u semma’ l-elementi pożittivi tagħha fosthom dik li tneħħi l-libell kriminali u dik li tneħħi l-obligazzjonijiet minn fuq l-edituri li jirreġistraw mar-reġistru tal-Gvern.
Qal li wara emendi fil-liġi minn dik ippreżentata fi Frar li għadda, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tivvota favur.
Semma’ wkoll li permezz ta’ din il-liġi, il-Parlament se jkun responsabbli tal-liġijiet sussidjarji flok il-Ministru b’avviż legali.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-estensjoni tal-protezzjoni tas-sorsi u t-tneħħija ta’ kawżi pendent dwar il-libell kriminali.
Karl Gouder innota t-tibdil fil-liġi li jagħmel lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin responsabbli mill-ħruġ tal-Press Cards.
Sostna li l-IĠM m’għandux biżżejjed fondi biex jipproċessa l-Press Cards u għaldaqstant talab li din ikollha ħaddiem jew tnejn b’salarju totali ta’ €35,000.
Qal li f’Malta għandu jkollna distinzjoni bejn ġurnalisti full-time, part-time, junior journalists u bloggers u freelancers. Qal li din id-distinzjoni bħalissa ma ssirx u kieku biha, il-Qrati jkunu provduti b’reġistru li fih ikun hemm miktub min hu responsabbli għal dik il-gazzetta jew pubblikazzjoni onlajn.