Il-Parlament jibqa’ silenzjuż dwar il-petizzjoni dwar Manoel Island – Inħobbu l-Gżira

Read in English.

L-Għaqda Inħobbu l-Gżira li qed tiġġieled qatta bla ħabel kontra l-iżvilupp fuq Manoel Island qalet fi stqarrija li minkejja petizzjoni li kisbet 8,487 firma, il-Kumitat tal-Petizzjonijiet għadu ma ħa l-ebda azzjoni dwarha.

Fl-istqarrija, ġie spjegat li lbieraħ petizzjoni ffirmata minn 916-il ċittadin ġiet ippreżentata lill-ispeaker tal-Parlament mill-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia. Flimkien ma’ dawn il-firem hemm ukoll petizzjoni separata li kienet saret online mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament fejn kienu daħlu 7,571 firma oħra. Il-petizzjoni kienet għalqet fis-16 ta’ April iżda sa issa għadha ma ġietx diskussa fil-Parlament.

Aqra: Approvat il-permess ta’ skavar f’Manoel Island; attivisti furjużi

Hu u jippreżenta t-tieni petizzjoni lill-Ispeaker tal-Kamra, Farrugia qal li jittama li f’dan is-sajf il-Kumitat tal-Petizzjonijiet jirrisolvi l-impasse u jistabbilixxi l-proċeduri neċessarji sabiex il-petizzjonijiet kollha pendenti jiġu proċessati. Qal li hija diżgrazzja li ħafna petizzjonijiet ippreżentati mis-soċjetà ċivili ma ġewx diskussi fil-Parlament fi żmien raġjonevoli. Hu appella sabiex l-Ispeaker Anġlu Farrugia jintervjeni u jqis li dan isir.

Il-proġett tal-MIDI li ġie approvat fis-7 ta’ Marzu jinvolvi l-iżvilupp ta’ 650 appartament, lukanda ta’ ħames stilel, bridge, marina akbar, u reklamazzjoni tal-art. L-għaqda qalet li l-proġett se jwassal għat-telfa ta’ parti kbira mill-promenade tal-Gżira – l-unika żona miftuħa f’dak il-post.

Għaliex qed issir din il-petizzjoni?

Fl-istqarrija ġie spjegat li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-Masterplan ta’ Manoel Island f’Marzu, iżda Flimkien għal Ambjent Aħjar appellat din id-deċiżjoni mat-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar. Il-fondi tal-appell kienu nġabru permezz ta’ kampanja crowdfunding fuq il-media soċjali.

Aqra: FAA tappella mal-PA kontra l-iżvilupp ta’ Manoel Island

Ġie spjegat li minkejja li l-Masterplan għadu għaddej mill-proċess ta’ appell, fit-18 ta’ Lulju, il-Kummissjoni għall-Ippjanar approvat il-bidu ta’ xogħol ta’ skavar fiż-żona. L-għaqda sostniet li kawża ta’ dan l-iskavar hemm ċans kbir li jiġu rvinati ħafna artifatti u binjiet li jagħmlu parti mill-wirt kulturali Malti u li jinsabu fil-baħar madwar Manoel Island.

Intqal li sal-lum il-ġurnata għadhom qed jinstabu oġġetti minn żmien ir-Rumani madwar Manoel Island, iżda minkejja dan il-gżira qatt ma għaddiet mill-investigazzjonijiet kollha neċessarji.

Aqra: Approvati 610 appartamenti qalb l-iżvilupp f’Manoel Island

L-għaqda qalet li x-xogħol ta’ skavar se jdum madwar 40 ġimgħa fejn se jkun hemm mat-80 vjaġġ bit-trakkijiet fil-ġimgħa. Qal li dan ifisser total ta’ 15,000 vjaġġ bi trakkijiet kbar li se jkunu qed jgħaddu minn toroq traffikużi fil-Gżira. Qalu li lanqas ma sar it-taħriġ neċessarju sabiex jiġi identifikat l-impatt li dan il-proġett se jħalli fuq il-ħajja tar-residenti tal-Gżira.

Petizzjoni titlob li Manoel Island tinbidel f’park nazzjonali

Il-petizzjoni li ġiet iffirmata minn għexieren ta’ persuni qed titlob fost l-oħrajn sabiex minflok ma Manoel Island tingħata għall-iżvilupp tinbidel f’park nazzjonali pubbliku. Qalu li l-park għandu jkollu bankijiet tal-injam fejn il-pubbliku jkun jista’ jgawdi l-wirt kulturali tal-pajjiż.

Il-petizzjoni titlob ukoll sabiex il-promenade tal-Gżira tiġi restawrata u msebbħa filwaqt li Manoel Island isir post rikreattiv għall-familji Maltin.