Il-Parlament jibda jixxandar fuq il-frekwenza 105.9FM

Is-seduta plenarja tal-Parlament bdiet tixxandar fuq frekwenza ġdida fuq ir-radju.
L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia ħabbar dan fil-ftuħ tas-seduta tal-lum.
Minn issa ’l quddiem, is-seduta tal-Parlament tista’ tinstema’ permezz tar-radju fuq il-frekwenza 105.9FM u mhux iktar 106.6FM.
Il-bidla fil-frekwenza saret fuq talba tal-Awtorità tax-Xandir minħabba xkiel li kien qed iseħħ lil Malta Air Traffic Control.
L-Ispeaker qal li l-Awtorità tax-Xandir bdiet tagħmel reklami fil-gazzetti lokali bil-għan li tinforma lill-pubbliku dwar il-bidla fil-frekwenza.