Il-Parlament japprova n-nomina ta’ George Vella bħala President

Il-Parlament approva n-nomina tat-Tabib George Vella bħala l-għaxar President ta’ Malta. Is-seduta, li kienet waħda iqsar minn tas-soltu, kienet dedikata esklussivament għal dan is-suġġett.

Ma ġeriex wara l-poter – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Dr Vella huwa l-aħjar persuna li Malta jista’ jkollha biex jokkupa l-pożizzjoni ta’ President. Huwa ntgħażel bħala l-10 President ta’ Malta għal tliet fatturi, qal Muscat. Huwa qal li minkejja li għal żmien twil kien politiku ewlieni, ħadd qatt ma tefa’ dell ikrah fuqu. Muscat sostna wkoll li Vella kien bniedem li meta kien offrut lilu l-poter fl-1992 mill-eks-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici, hu rrifjutah u qatt ma ġera wara l-poter. Fl-aħħar imma mhux l-inqas, qal Muscat, Vella huwa persuna magħrufa u rispettata ħafna internazzjonalment.

Se nagħmlu l-pass li l-Gvern ma kellux il-ħila li jagħmel -Delia

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal l-Oppożizzjoni kienet qed tistenna li l-Gvern iressaq isem ta’ persuna li tgħaqqad il-poplu. Huwa qal li hu konvint mill-istatura u l-fibra ta’ Dr Vella iżda kien qed jistenna ġest bħal dak tal-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi li kien innomina persuna mill-kamp politiku oppost.

Delia qal li għalhekk kienet l-Oppożizzjoni kienet se tagħmel dak il-pass li l-Gvern ma kellux il-ħila li jagħmel billi tagħti lill-pajjiż president li jkun elett b’żewġ terzi tal-Parlament. Delia qal li dan kien l-ewwel pass min-naħa tal-Oppożizzjoni li fil-ġimgħat li ġejjin għandha tressaq numru ta’ emendi kostituzzjonali biex tissaħħaħ id-demokrazija tal-pajjiż.

Ringrazzjament lil Coleiro Preca

Waqt il-mozzjoni ta’ apprezzament lejn il-President Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru qal li filwaqt li ħames snin ilu, il-Gvern iċċaħħad minn waħda mill-aħjar esponenti tiegħu, il-pajjiż iggwadanja personaġġ li tat leħen lil dawk li ftit jew xejn kellhom, fosthom lill-immigranti.

Fuq Coleiro Preca, Delia qal li kienet il-vuċi tal-batut u qdiet il-missjoni tagħha li tisma’ u ġġiegħlek tħossok l-iktar persuna importanti fil-kamra. Huwa qal li Coleiro Preca kienet mara li rnexxiet mingħajr bżonn ta’ kwoti u l-abbilitajiet tagħha wassluha għall-ogħla kariga fil-pajjiż.

Il-Partit Demokratiku ma jattendix

Intant, il-Partit Demokratiku fl-Oppożizzjoni ma attendiex għas-seduta bi protesta għax il-Gvern ma jridx jemenda l-kostituzzjoni biex il-ħatra tal-President issir permezz ta’ vot ta’ żewġ terzi tal-kamra.

Aqra ukoll:  PD washes its hands off President Vella’s nomination debate