Il-Parlament japprova l-Baġit

B’69 vot favur, il-Parlament approva l-ewwel Baġit ta’ din il-leġislatura. 

Fl-aħħar rimarki tal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat qal li b’din is-seduta, il-Parlament ta eżempju ta’ kif jistgħu jimxu l-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, fil-messaġġ tal-għeluq ta’ din is-seduta, qal li hu se jixtarr kull kritika li rċieva. Saħaq li huwa stenna li l-Oppożizzjoni tagħti ċifri korretti, dan għall-kuntrarju kif sar mill-eks Ministru tal-Finanzi.

Fir-rimarki tiegħu, Luis Grech qal li meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni, kellu d-dmir li jikritika. Iżda issa, li jinsabu fil-Gvern, wasal iż-żmien li huma li jiġu kkritikati. Finalment, b’messaġġ posittiv, Luis Grech qal li l-Gvern lest li jaħdem mal-Oppożizzjoni. Qal li fil-passat dan dejjem seħħ meta kien hemm deċiżjonijiet serji x’jittieħdu.

Matul din l-istess seduta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Lawrence Gonzi rrefera għal dak li qal il-Ministru George Farrugia. Dr Gonzi qal li Richard Cachia Caruana għandu jiġi ġġudikat fuq ir-riżultati li ġab. Semma’ kif Richard Cachia Caruana ġab riżultati eċċellenti għal Malta, fosthom l-ammont ta’ flus li rnexxielu jinnegozja għal Malta fi Frar li għadda.

Nhar it-Tnejn li għadda, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna  ppreżenta l-ewwel Baġit ta' dan il-Gvern. Dan wara li f'Diċembru li għadda il-vot fuq il-Baġit għal din is-sena m'għaddiex b'35 vot kontra u 34 favur il-Baġit. Liema vot wassal għall-waqa’ tal-gvern.

Il-Gvern kien qal li wara qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, ma kellu jinbidel xejn minn dak li ġie ippreżentat fil-Baġit ta' Novembru li għadda ħlief li tiddaħħal il-miżura li permezz tagħha dawk li jaqilgħu biss il-paga minima ma jiġux intaxxati.