​Il-Parlament japprova fit-tieni qari emendi dwar żwieġ gay. Edwin Vassallo iddikjara vot kontra

Il-Parlament illejla approva fi stadju tat-tieni qari l-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ; abbozz ta’ liġi li effettivament jippermettu li persuni tal-istess sess jingħaqdu legalment fiż-żwieġ ċivili.
L-approvazzjoni tal-abbozz ta’ liġi fit-Tieni Qari saret mingħajr votazzjoni hekk kif l-Oppożizzjoni ma talbitx division. Biss, qabel ma l-Ispeaker sejjaħ biex jiġu ddikjarati l-voti favur, id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo rreġistra li huwa kien se jivvota kontra. Dan ġie rreġistrat fil-minuti tas-seduta.
Waqt id-dibattitu dwar din il-liġi, Vassallo indika li kien se jivvota b’mod differenti mill-bqija tal-Oppożizzjoni għaliex ma jħossux moralment komdu jivvota favur dan l-abbozz. Sostna li ħadd fil-Parlament ma għandu l-mandat elettorali biex idaħħal din il-leġiżlazzjoni.
L-abbozz issa għadda għal stadju ta’ kumitat fejn il-Membri Parlamentari jiddiskutu klawżola klawżola l-abbozz kif propost, u jivvutaw fuq l-emendi mressqa għal kull klawżola. Id-diskussjoni fi stadju ta’ kumitat se ssir għada wara nofsinhar u l-Ġimgħa. Eventwalment, il-Kamra mistennija tieħu vot finali dwar dan l-abbozz, inkluż kwalunkwe emenda li tista’ ssir fi stadju ta’ kumitat, nhar l-Erbgħa 12 ta’ Ġunju.
Matul id-dibattitu, l-Oppożizzjoni tkellmet b'saħħa dwar emendi fil-lingwaġġ tat-test tal-abbozz biex dan ma jeskludix termini bħal 'mara', 'raġel', 'omm' jew 'missier' li huma eżistenti fil-liġi Maltija llum, iżda minflok jiddaħħlu termini newtrali bħala addizzjoni għal dak li tgħid il-liġi llum. Saħqu li l-abbozz kif imressaq se joħloq uniformità u mhux ugwaljanza fid-diersità. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li din il-pożizzjoni hi motivata mix-xewqal li l-emendi ma jeskludux u ma jweġġgħu is-sensittiva ta’ ħadd. Fl-istess ħin, fisser li irrispettivament minn jekk il-proposti tal-Oppożizzjoni jintlaqgħux jew le il-Partit Nazzjonalista kien se jivvota favur din il-liġi.
Il-Gvern, min-naħa l-oħra saħaq li l-abbozz ta' liġi kif propost se jdaħħal ugwaljanza li ma teskludix. Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni tiddiskrimina bejn ‘nies u oħrajn’ u sostna li l-Gvern mhux lest li jaċċetta emendi li differenza bejn koppji eterosesswali u koppji LGBTIQ.