Il-Parlament jaġġorna; lura f’Jannar

Read in English.

Illum il-Parlament iddeċieda li ħa jibda kmieni bil-pawża li normalment jieħu fi żmien il-Milied. Id-deputati se jkunu qed jirritornaw fil-Parlament fl-20 ta’ Jannar fid-9am.

Dan ifisser li l-Partit Laburista se jkun laħaq għażel il-mexxej il-ġdid tal-partit li mbagħad jieħu post il-Prim Ministru Joseph Muscat, kemm fil-partit kif ukoll fil-Gvern. Il-Prim Ministru kien ħabbar ir-riżenja tiegħu l-Ħadd li għadda fejn qal li l-partit irid ikun għażel mexxej ġdid sat-12 ta’ Jannar, imbagħad u jirreżenja fil-jiem ta’ wara.

Din il-pawża għall-Parlament tħabbret mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela wara li dalgħodu kien hemm seduta qasira li serviet sabiex tapprova l-baġit għall-2020.

Il-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista baqgħu ma resqux lejn il-Parlament. Dan wara li t-Tnejn li għadda, wara l-messaġġ ta’ Muscat fejn qal li ma kienx se jirreżenja b’mod immedjat, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li n-naħa tal-kamra tiegħu mhux se tipparteċipa f’dibattiti li jinkludu lil Muscat.

Fl-aħħar jumejn, is-seduti parlamentari bdew isiru filgħodu. Wara kull seduta parlamentari filgħaxija preċedenti kienu qed isiru protesti li fost l-oħrajn bdew jitlobu għall-ġustizzja għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, u għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru.

Minkejja li d-deputati tal-Oppożizzjoni ma kinux preżenti, is-seduta tal-lum kompliet mhux mittiefsa. Dan tant li l-Parlament ivvota formalment fuq il-baġit tal-2020 wara d-dibattiti li saru f’Ottubru li għadda. Il-Membri Parlamentari preżenti unanimament approvaw l-allokazzjonijiet finanzjarji għal kull Ministeru, mingħajr il-bżonn ta’ vot formali. Huma vvutaw kontra l-emendi li kienet ipproponiet l-Oppożizzjoni fejn kienet talbet li l-pagi tal-Ministri jonqsu.