Il-Parlament isellem il-memorja ta’ Oliver Friggieri

Oliver-Friggieri

Read in English.

Il-Parlament illejla sellem il-memorja ta’ Oliver Friggieri li miet is-Sibt li għadda, u semma l-legat li ħalla warajh Prof. Friggieri fil-qasam tal-letteratura u l-identità Maltija.

Fil-bidu tas-seduta l-Ispeaker Anġlu Farrugia ssospenda x-xogħol tal-Kamra għax qal li kien xieraq li jsir dan wara l-mewt tal-Professur Oliver Friggieri.

Farrugia qal li Friggieri kien ikona tal-letteratura u ħassieb fl-impenn biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li Malta tilfet ikona tal-ħsibijiet li mexxa ‘l quddiem Oliver Friggieri favur il-lingwa Maltija.

Il-Whip tal-Gvern Glen Bedingfield qal li l-Gvern jingħaqad mas-sentimenti tal-Ispeaker u tal-Oppożizzjoni u qal li konxju mill-ħidma u l-impenn favur l-identità Malitja li kellu l-Professur Friggieri, u kien għalhekk li l-Gvern ħaseb biex jagħtih funeral mill-Istat.