
Il-Parlament Iraqi sejjaħ biex il-forzi militari tal-Istati Uniti u oħrajn barranin jitilqu mill-pajjiż peress li wara l-qtil tal-kmandant militari tal-Iran, kibret ir-rabja lejn l-Istati Uniti, u magħha l-biża’ li jaf jinqala’ kunflitt bejn il-Lvant Nofsani u l-Punent.
Fi gwerra ta’ kliem bejn l-Iran u l-Istati Uniti, is-Segretarju tal-Istat Mike Pompeo qal li l-Amerka se tiftaħ il-kanuni fuq kwalunkwe mexxej Iranjan jekk ikun hemm iżjed attakki fuq l-interessi Amerikani.
Qassem Soleimani nqatel nhar il-Ġimgħa f’attakk mill-ajru mill-Istati Uniti fl-ajruport ta’ Baghdad. L-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u Oman inkoraġġew lil Washington u Tehran biex jagħmlu sforzi diplomatiċi biex il-kriżi tbatti.
Il-Parlament Iraqi għadda riżoluzzjoni jappella lill-Gvern biex jaħdem biex jitneħħew it-truppi barranin preżenti kollha, li jirrifletti t-tħassib ta’ ħafna fl-Iraq li jista’ jinqala’ l-gwaj.