“Il-Parlament iqis li hu ‘l fuq mil-liġi” – Dekan Fakultà tal-Liġi

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Professur Kevin Aquilina, qal li f’Malta l-poter leġiżlattiv (Parlament) jikkunsidra lilu nnifsu ‘l fuq mil-liġi u xi drabi jispiċċa jagħmel ħerba mill-ħarsien tagħha (is-Saltna tad-Dritt).
Huwa qal dan waqt li indirizza lil dawk li llum iggradwaw bħala Avukati fil-grad ta’ Maġisteru u dawk li kisbu l-istess grad fl-Istudji Notarili.
Il-Professur innota kif dawn l-istudenti huma l-ewwel frott ta’ dawn il-korsijiet u faħħar il-fatt li għall-ewwel darba, dawn l-istudenti ma ġewx mgħallma biss il-liġi, kif dejjem sar sa issa, imma anke kif jiktbu l-liġi.
Fi kliem il-Professur Aquilina: “mod tistudja l-liġi u mod tiktibha.”
“Kaos fis-sistema legali Maltija”
Saħaq li dan kien neċċessarju għax fi kliemu, in-nuqqas ta’ esperti fil-kitba tal-liġi, wassal għal “kaos fis-sistema legali Maltija.”
Irrefera għal artikli li ġieli kiteb u qal li l-Parlament għandu “vizzju ikrah” li jdaħħal liġijiet li jmorru kontra l-akbar liġi tal-pajjiż, jiġifieri l-Kostituzzjoni.
Fost dawn, id-Dekan semma l-Att dwar ir-Riforma Kostituzzjonali (Settur tal-Ġustizzja) u l-Emenda fl-Att tal-Kodiċi Kriminali, li fost oħrajn kienet tinkludi l-vilifikazzjoni tar-reliġjon.
Filwaqt li fakkar li kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni vvutaw favurihom,  spjega li l-ewwel waħda tmur kontra l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Umani u anke d-dritt li wieħed ikollu smigħ xieraq fil-Qrati.
Kompla jispjega li l-Emenda fl-Att tal-Kodiċi Kriminali tmur kontra l-Kostituzzjoni li tgħid iswed fuq l-abjad li r-reliġjon Kattolika hija r-reliġjon uffiċjali tal-istat. Aktar tard spjega li l-istess jgħodd jekk “l-assalt” kien fuq is-simboli kostituzzjonali tal-Bandiera Maltija jew il-George Cross.
Il-Kostituzzjoni ssemmi s-Saltna tad-Dritt (li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi?
Kien hawn li saħaq li l-Kostituzzjoni tista’ tkun interpretata jew kelma b’kelma, jew inkella billi wieħed jieħu l-ġist u jifhem veru dak li trid tgħid.
“Għalhekk għalkemm fil-Kostituzzjoni mkien ma ssib il-kelmiet ‘rule of law,’ “is-separazzjoni tal-poteri,’ jew ‘l-indipendenza tal-ġudikatura,’ ma jfissirx li l-Kostituzzjoni ma tirrikonoxxix dawn il-prinċipji,” saħaq il-Professur. “Anzi dawn il-prinċipji jinsabu minsuġa fil-Kostituzzjoni u wieħed jista’ jasal għalihom billi jifhem l-ispirtu tal-liġi.”