Il-Parlament il-ġdid mistenni jkun lest f’Marzu li ġej

Il-bini tal-Parlament il-ġdid se jkun lest f’Marza, hekk sostna ċ-Chairman tal-Kumitat għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Stefan Zrinzo Azzopardi waqt laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra fil-Parlament.
Waqt preżentazzjoni li saret, Zrinzo Azzopardi qal li x-xogħolijiet fit-tielet sular, li jinkludu l-uffiċċji tal-Ispeaker se jkunu lesti x-xahar id-dieħel, filwaqt li hemm xogħlijiet fl-ewwel sulari li jridu jerġgħu isiru li għandhom ikunu lesti sal-aħħar ta’ Frar.
Qal li d-dewmien kien ikkawżat ukoll minħabba l-kobor tal-iskrivaniji, li se jiġu mmodifikati fl-Italja u mistenni li jerġgħu jaslu Malta nhar il-Ġimgħa.
Hekk kif jitpoġġew f’posthom jibdew it-testijiet fuq is-sistema tal-awdjo u dik tal-arja kkundizzjonata.
Tlestew ukoll xogħlijiet oħra relatati mal-faċċata tal-bini u mix-xahar id-dieħel se terġa tinfetaħ Triq l-Ordinanza.
Fil-Kumitat, tkellem ukoll il-Ministru għall-Infrastruttura, Joe Mizzi li spjega kif il-proġett se jiġi jiswa mal-€45 miljun jew 50% aktar mill-istima oriġinali.
Filwaqt li stqarr li ma jistax jikkonferma meta l-proġett kollu se jkun lest enfasizza li kellu jkun lest sa’ Marzu tal-2012, meta dakinhar kien biss lest 35% tal-proġett kollu.