​Il-Parlament ifakkar il-jum iddedikat għall-Commonwealth

Il-Parlament illejla kkommemora l-ġurnata ddedikata lill-Commonwealth.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li din tiġi ċċelebrata kull sena nhar it-tieni Tnejn ta’ Marzu, u allura din is-sena ħabtet fit-12 ta’ Marzu.
Huwa qal li t-tema għal din is-sena ‘ Lejn Futur Komuni’, tibni fuq it-tema tal-paċi tas-sena l-oħra, li tirreferi għall-valur tal-Commonwealth waqt li tinsisti fuq familja ta’ nazzjonijiet li fiha kull pajjiż membru hu meqjus b’vuċi inqas.
L-Ispeaker qara messaġġ tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni li hija l-Kap tal-Commonwealth, li saħqet dwar il-bżonn li l-pajjiżi jkunu miftuħa għad-diversità fil-pjattaforma tal-Commonwealth.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li Malta tinsab fl-aħħar jiem fit-tmexxija tal-Commonwealth wara li organizzat l-CHOGM 2015 u fil-jiem li ġejjin tkun qed tgħaddi x-xettru lir-Renju Unit.
Il-Ministru Abela qal li din is-sena l-Gambja reġgħet ingħaqdet mal-familja tal-Commonwealth.
Huwa spjega li t-53 pajjiż li jiffurmaw il-Commonwealth jiġbru popolazzjoni ta’ 2.4 biljun ruħ li 60% huma taħt it-30 sena u li qed jinsistu għal futur aħjar.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi t-twaqqif ta' Parlament tal-Commonwealth li fih il-pajjiżi membri tal-Commonwealth ikunu jistgħu jiddiskutu l-valuri u l-prinċipji li jgħaqqduhom.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici stqarr li r-riħ tal-bidla qed jinħass fil-pajjiżi tal-Commonwealth tant li Robert Mugabe fiż-Żimbabwe u Jacob Suma fl-Afrika t’Isfel m’għadhomx fit-tmum ta’ pajjiżhom.
Ritratt: DOI – MFTP