Read in English.
L-NGO Repubblika qalet li l-Parlament għadu ma rax is-sistema tal-ħatra tal-ġudikanti.
F’ittra indirizzata lill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis Repubblika qalet li ħadet nota tad-dikjarazzjoni pubblika li għamel dwar ir-riforma kostituzzjonali fil-ħatra tal-Imħallfin u Maġistrati fejn stieden il-parteċipazzjoni ta’ NGOs li wrew interess f’dan il-qasam.
Repubblika kienet ixxukjata meta semgħet b’riżoluzzjoni approvata mill-Parlament li tgħid li hemm qbil kif se tinbidel is-sistema tal-ħatra tal-ġudikanti meta l-Parlament stess għadu ma rax s’sistema se tkun. Qalet li lanqas rawha l-partijiet l-oħra interessati fil-proċess, bħas-soċjetà ċivili.
“Aħna faħħarna l-għażla tal-Imħallef Mark Chetcuti bħala Prim Imħallef. Din hi għażla tajba imma l-oġġezzjoni tagħhna hi għall-proċess tal-għażla. L-istess kif il-kawża tagħna fil-Qorti mhix akkuża personali kontra l-ġudikanti magħżula, iżda insistenza li l-poteri tal-eżekuttiv, tal-leġiżlattiv, u tal-ġudikatura jinżammu separate u li l-ġudikanti jkunu indipendenti mill-gvern,” qalet Repubblika.
Żiedet tħgid li qbil bejn gvern u oppożizzjoni mhux garanzija ta’ indipendenza tal-ġudikatura.
L-għaqda apellat lil Zammit Lewis bies is-soċjetà ċivili tkun involuta fid-diskussjoni.
Se niltaqa’ ma’ Repubblika fil-jiem li ġejjin – Zammit Lewis
Wara li ħarġet l-istqarrija ta’ Repubblika, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li se jkun qed jiltaqa’ mal-NGO fil-jiem li ġejjin.