Aġġornata: Terġa’ tiġi posposta s-seduta Parlamentari dwar il-bejgħ tal-Enemalta

Aġġornata 21:32:
Is-seduta tal-Parlament għada mhix se tiddiskuti l-bejgħ ta' parti mill-Enemalta lill-kumpanija Ċiniża Shanghai Electric Power.
Dan wara li iktar kmieni llum, il-Gvern kien iddeċieda li s-seduta t'għada tkun kollha kemm hi ddedikata lil dan is-suġġett waqt li l-Oppożizzjoni kienet qed tinsisti li l-ewwel għadu jiġi ppubblikat il-kuntratt qabel tkun tista' ssir id-diskussjoni.
Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela qal li jidher li l-Oppożizzjoni ma tridx tiddiskuti dan is-suġġett għaliex meta kienet ġiet proposta oriġinarjament, kellha tiġi posposta għall-bidu ta' Jannar minħabba ħtiġijiet tal-Oppożizzjoni.
Il-Whip Nazzjonalista David Agius qal li meta l-Gvern kien iddeċieda d-data tad-diskussjoni f'Diċembru ma kienx ikkonsulta mal-Oppożizzjoni. Fil-jum deċiż għad-diskussjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni kien se jkun barra minn Malta fuq xogħol. Qal li l-Oppożizzjoni trid li jsir id-dibattitu imma dan għandu jsir wara li l-Gvern jagħti l-kuntratti li qed jiġu mitluba, u mhux mil-lum għal għada kif kien ġie deċiż illum. 

Iktar kmieni:
Il-Gvern qed jinsisti li s-seduta tal-Parlament għada tiddiskuti l-bejgħ ta’ partijiet tal-Enemalta lil Shanghai Electric Power, imma l-Oppożizzjoni qed tinsisti li magħha ma kienx hemm qbil għax hi trid li jiġi ppubblikat il-kuntratt bejn il-Gvern Malti u dak Ċiniż biex tkun tista’ ssir diskussjoni.
Is-seduta tal-Parlament bħalissa tinsab sospiża sakemm l-Ispeaker Anġlu Farrugia jieħu d-deċiżjoni tiegħu.
Il-Ministru Carmelo Abela għan-naħa tal-Gvern qed jgħid li wara l-laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra llejla “n-naħa tal-Gvern tkellmet informalment mal-Oppożizzjoni u ntlaħaq qbil”.
Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius qed jinsisti li mal-Oppożizzjoni ma kien hemm ebda qbil. Anzi, Agius qed jgħid, l-Oppożizzjoni rreġistrat formalment nuqqas ta’ qbil għax qed tinsisti li l-ewwel ikollha f’idejha l-informazzjoni biex imbagħad tkun tista’ tiddiskutiha.