Il-Parlament Ġermaniż japprova sehem il-Ġermanja kontra l-ISIS

Il-Parlament Ġermaniż approva li tintbagħat għajnuna militari mill-pajjiż biex tgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. 
Wara t-talba tal-President Franċiż, Francois Hollande, u d-deċiżjoni tal-Parlament Ingliż favur sehem il-pajjiż fil-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku, illum il-Ġermanja ngħaqdet uffiċjalment mal-pajjiżi li qed jibgħatu għajnuna militari fis-Sirja.
Iktar kmieni il-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, kienet qalet li l-Ġermanja kienet se tibgħat ajruplan militari, bastiment militari u suldati biex isostnu l-kampanja Franċiża, iżda dan l-impenn kien jeħtieġ ratifika mill-Parlament, li issa ngħatat.
Din mistennija tkun l-ikbar operazzjoni militari tal-Ġermanja barra l-pajjiż anke jekk s'issa l-Ġermanja dejjem qalet li mhix se tinvolvi ruħha direttament f'attakki imma f'taħriġ.