Il-Parlament Ewropew se jniedi l-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu

F’kommemorazzjoni tat-tielet anniversarju mill-assassinju tagħha, il-Parliament Ewropew qe iniedi l-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu, li se jippremja “ġurnaliżmu eċċezzjonali li jirrifletti l-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni Ewropea, kif minquxa fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

It-tnedija se ssir online nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Ottubru, min-12.30 sas-13.00 fuq il-paġna ta’ Facebook tal-PE. Se jkun immexxi mill-Viċi President tal-PE Heidi Hautala u l-MPE Malti David Casa, u magħhom se jingħaqad Andrew Caruana Galizia, wieħed mit-tlett itfal tal-ġurnalista maqtula.

Għalkemm il-premju hu inizjattiva tal-Parlament Ewropew, il-proċess għall-għoti tiegħu se jitmexxa minn organizzazzjoni medjatika mhux kummerċjali u indipendenti bbażata fl-UE, sabiex titħares l-indipendena tal-premju u x-xogħol tal-media.

Il-PE dalwaqt se jibda l-proċess tal-għażla ta’ din l-organizzazzjoni indipendenti, b’sejħa għall-offerti mistennija titnieda sa’ tmiem is-sena.

Il-premju m’huwiex l-ewwel rikonoxximent ta’ Caruana Galizia mill-Parlament Ewropew. Ftit wara mewtha, sala tal-konferenzi tal-aħbarijiet fil-binja tiegħu ta’ Strasburgu ġiet imsemmija għall-ġurnalista.

Inizjattiva simili biex tissemma sala fil-Parlament Malti għal Caruana Galizia ma rnexxietx, però; ġiet irrifjutata mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, li semma l-bżonn li l-Parlament jibqa’ imparzjali.