Il-Parlament Ewropew mitlub ifassal pjan sħiħ għall-HIV

Riżoluzzjoni sabiex il-Kummissjoni Ewropea toħroġ bi pjan sħiħ li jindirizza ż-żieda ta’ mard infettiv fosthom għaddiet b’maġġoranza assoluta mill-Parlament Ewropew.
L-Ewroparlamentari Soċjalisti kienu għal dan l-aħħar żmien qed jagħmlu pressjoni sabiex tiġi kkunsidrata sewwa iż-żieda rreġistrata ta’ mard infettiv, ewlenin fosthom l-HIV, it-tuberkulożi u l-Epatite.
Waqt li kienet qed tindirizza l-Parlament Ewropew, il-kelliema tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għas-Saħħa, Miriam Dalli, qalet li n-nuqqas ta’ azzjoni adegwata mhix aktar aċċettabli.
L-MEP Maltija rrimarkat li f’dan il-kuntest, ir-rieda politika hija l-aktar arma b’saħħitha li iżda għadha ma intużatx s’issa.
“Hija din ir-rieda politika li timmobilizza setturi oħra tas-soċjetà, u li finalment tħeġġeġ lil kulħadd biex jiġġieled din il-problema. Għandna opportunità li ma nistgħux ma neħduhiex. Dan huwa l-ħin opportun biex naġixxu u nagħmlu differenza,” qalet Dr Dalli.
Hu stmat li madwar 400 persuna jmutu kuljum mill-epatite u kawżi relatati, filwaqt li t-tuberkulożi qed terġa’ tqum bħala waħda mill-aktar theddidiet gravi u sottovalutati għas-saħħa dinjija. Rigward l-HIV, fl-2015 kien hemm 30,000 każ ġdid, b’perċentwal qawwi ta’ infezzjonijiet ġodda rrappurtati f’żgħażagħ u adoloxxenti.