Il-Parlament Ewropew jikkundanna l-vjolenza kontra l-Kristjani u l-Musulmani fin-Niġerja

Il-Parlament Ewropew illum għadda reżoluzzjoni dwar in-Niġerja biex jikkundanna l-vjolenza kontra l-Kristjani u l-Musulmani fil-pajjiż.
Matul id-dibattitu ġie spjegat kif 30 miljun Kristjan jgħixu fit-Tramuntana tan-Niġerja fejn l-paċi u l-istabbiltà ġew imminati minħabba attakki mill-grupp terroristiku Boko Haram. Aktar minn 2 miljun persuni kellhom jaħarbu minn darhom. L-aħħar attakk li sar lejlet is-Sena l-Ġdida ħalla aktar minn 14-il persuna mejta.
Bosta kienu dawk l-MPEs li spjegaw li l-kwistjoni prinċipali tinvolvi gruppi ta‘ bdiewa li qed jiġġieldu kontra raħħala minħabba nixfa li hemm fil-pajjiż. Ir-reliġjon qed tintuża‘ bħala r-raġuni tal-konflitti skont ċertu MPEs, però mhux kulħadd huwa tal-istess fehma.
Charles Tannock mill-grupp konservattiv fakkar kif grupp ta‘ tfajliet kien inħataf mill-militanti Iżlamisti tal-Boko Haram u li ħafna minnhom għadhom neqsin.  Kompla jgħid kif anke pajjiżi b’aktar stabbiltà jsibuha diffiċli biex jiġġieldu t-terroriżmu. Qal li allura jfisser li hija sfida enormi għal pajjiż bħan-Niġerja. Marina Albiol Guzmán mill-partit tax-xellug qalet li saħansitra l-Pulizija u s-suldati tan-Niġerja qed jispiċċaw jaħqru lin-nisa.
Urbán Crespo mill-partit tax-xellug saħaq li n-Niġerja għandha 80% tal-popolazzjoni tagħha tgħix fil-faqar. Spjega kif kumpaniji Ewropej qed itellgħu ż-żejt min-Niġerja iżda imbagħad l-Ewropa qed tagħlaq l-fruntieri tagħha għall-persuni li sofrew l-esplojtazzjoni li ġabet l-Ewropa stess.
Judith Sargentini mill-grupp tal-ħodor qalet li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jgħinu fl-istabbilizzazzjoni permezz ta’ azzjoni kontra ċerta kumpaniji kbar bħal dik Shell.