Vot PE: Le għal Malta tax haven; Iva għar-rakkomandazzjonijiet tal-PANA

Ma għaddietx l-emenda mressqa mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew biex Malta tkun meqjusa bħala tax haven, jiġifieri post fejn wieħed jista’ faċilment jevadi t-taxxa.
Dan waqt li ttieħed vot dwar ir-rapport tal-Kumitat PANA dwar il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa. Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat PANA għaddew b’maġġoranza kbira, l-emenda biex Malta tkun meqjusa tax haven ma għaddietx.
L-emenda ma għaddietx bi 327 vot favur, 327 kontra u 24 astensjoni. L-Ewroparlamentari kollha Maltin ivvutaw kontra din il-mozzjoni. 87% tas-Soċjalisti u 11% tal-Popolari vvutaw favur li Malta tissejjaħ ‘tax haven’.
Is-Soċjalisti Ewropej, li magħhom il-Partit Laburista huwa affiljat, għamlu mozzjoni fil-Parlament Ewropew biex Malta, il-Lussenburgu, l-Olanda u l-Irlanda jitqiesu bħala tax havens, jiġifieri bħala pajjiżi li jintużaw biex wieħed jaħrab milli jħallas it-taxxa.
Is-Soċjalisti Ewropej riedu li r-rapport tal-Kumitat PANA jiġi emendat biex jiddikjara li Malta hija tax haven. Dan il-Kumitat kien ġie Malta biex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers, wara li kien ħareġ li l-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru kienu fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama eżatt malli l-Partit Laburista kien rebaħ l-elezzjoni tal-2013.
Kienet infetħet kumpanija oħra, li skont informazzjoni ppubblikata fuq is-sit ta’ Daphne Caruana Galizia, kienet tal-mara tal-Prim Ministru. Is-Sinjura Muscat tiċħad li dan hu veru bil-Prim Ministru joħroġ stqarrija llum stess biex jgħid li l-allegazzjonijiet tal-Whistleblower Maria Efimova huma foloz.
Ilbieraħ, wieħed mir-rapporteurs tal-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew qal li Malta mhix tax haven, iżda wissa li mhux qed tagħmel wisq biex tgħin fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Kumitat PANA, issa se jgħaddu għand il-Kummissjoni Ewropea u anke l-Kunsill.
Reazzjoni tal-MPE tal-Partit Nazzjonalista
Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija fil-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew David Casa qal li kien hemm elementi fil-grupp tal-PPE li riedu jissapportjaw l-emendi tas-soċjalisti u kien biss għall-intervent tal-Membri Parlamentari Ewropej tal-PN li dan ma seħħx. Sostna li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti huma “effettivi, influwenti u rispettati u b’hekk ġabu r-riżultati”.
Min-naħa tagħha, l-Ewroparlamentari Roberta Metsola qalet li huwa ovju li din l-emenda ġiet diskussa minħabba l-falliment tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex ineħħi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu Konrad Schembri. Qalet li din id-darba rnexxielhom iwaqqfu l-ħsara milli sseħħ fuq Malta iżda sostniet li dan qed isir dejjem iktar diffiċli.
Intant, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-Grupp tal-PPE, kompla jsaħħaħ l-impenn tiegħu favur il-poplu Malti. Tkellem dwar il-whistleblowers fosthopm Maria Efimova u qal li permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni il-Parlament Ewropew qed jappella wkoll għal aktar protezzjoni għall-whistleblowers.
Dalgħodu, id-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew magħmula minn David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech qalet li ‘Malta mhix tax haven’. 
Reazzjoni tal-MPE Alfred Sant
L-ewroparlamentari Soċjalista ALfred Sant qal li vvota kontra din l-emenda minħabba li l-metodoloġiji li ntużaw mill-MEPs Langen, Gomes, Giegold u Tang li ħskont Dr Sant ħadu l-pożizzjoni tal-prosekuzzjoni, ix-xhud, il-ġurija u l-imħallef fl-istess waqt. Qal li dan l-eżerċizzju jiskredita t-talba tal-Parlament Ewropew biex iservi bħala d-difensur tal-ġustizzja fl-affermazzjoni tal-valuri Ewropej.
Reazzjoni Partit Laburista
B'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li MPEs tiegħu reġgħu kienu sodi u kruċjali fil-ħidma tagħhom biex iġibu l-interess ta’ Malta qabel kull kunsiderazzjoni oħra.
Għalkemm l-Ewroparlamentari Nazzjonalista wkoll ivvutaw kontra l-mozzjoni, il-Partit Laburista xorta waħda akkużahom li bl-attitudni u l-kampanja tagħhom kontra Malta fl-aħħar snin fetħu l-bieb beraħ għal attakki kontra Malta.
p.p1 {margin: 0.0px 0.0px 0.0px 0.0px; font: 12.0px ‘Helvetica Neue’; color: #454545}